F’Jum ir-Repubblika Malta tippremja liċ-ċittadini tagħha li jiddistingwixxu ruħhom f’oqsma varji u li l-kontribut tagħhom ikattar il-ġid taċ-ċittadini sħabhom.
Dan kien is-sentiment tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono hekk kif kull sena f’Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta, f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, tagħti ġieħ pubbliku lil għadd ta’ Maltin. Dan isir b’ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu jew fix-Xirka Ġieħ ir-Repubblika, jew bl-għoti tal-Midalja għall-Qlubija u tal-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Iċ-ċerimonja ta’ investitura saret fil-Palazz, il-Belt Valletta, wara l-parata ċerimonjali li saret f’Pjazza San Ġorġ.
Għaxar persuni ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika – fosthom il-mikbi Karl Gouder innominat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, bħala rikonoxximent għall-impenn tiegħu lejn il-komunità. Rikonoxxut ukoll Lorenzo Vella li okkupa diversi karigi fis-servizz pubbliku qabel mewtu flimkien ma’ Jake Vella, it-tfajjel li seraq qlub il-poplu Malti bid-dedikazzjoni li dejjem wera. Dawn kollha ġew onorati wara mewthom.
Matul iċ-ċerimonja ta’ din is-sena, il-President ta’ Malta ħataret disa’ persuni fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu fosthom lil Joseph F. Grima għall-kontribut fil-preservazzjoni tal-istorja ta’ Malta; lil Joseph Zarb Adami figura prominenti fil-qasam mediku; Simone Attard għal kontribut fis-settur tar-riproduzzjoni assistita; Narcy Calamatta għal impenn fl-arti; Daniel Massa poeta distin; Clarence Pace għax-xogħol tiegħu fil-kirurġija; flimkien ma’ Paul Pace għas-servizz tiegħu fl-iżvilupp edukattiv.
Onorati wkoll Charles Scerri professur li ħadem ma’ eluf ta’ pazjenti fid-dimensja. Onorat ukoll kien hemm il-Kmandant Allen K. Harker’ Uffiċjal Amerikan li għen għat-tisħiħ tal-iskwadra marittima Maltija.
Flimkien ma’ Karl Gouder, Lorenzo Vella u Jake Vella fl-unur li ngħataw għall-qadi tar-Repubblika kien hemm ukoll Reno Bugeja għal xogħlu fil-qasam tal-ġurnaliżmu; Joseph Farrugia għax-xogħol li wettaq fir-relazzjonijiet industrijali u djalogu soċjali; u l-Patrijiet Fr Stephen Borg, Fr Joseph Formosa u Fr Mario Sant għax-xogħol tagħhom fir-Renju Unit ma’ eluf ta’ Maltin.
Onorat wkoll l-Isqof Emeritus George Anthony Frendo flimkien mal-artista Doris Micallef u l-Kardjoloġista Inġliża Jane Somerville. L-Akkademja Mediterranja għall-Istudju fid-Diplomazija ukoll ġiet onorata l-midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
//= $special ?>