Lokali

“Noqogħdu attenti illi liż-żgħar tagħna ma nikkorrompuhomx bl-eżempju”

Illum pajjiżna ċċelebra l-50 anniversarju ta’ Malta Repubblika.

Kull sena, f’din il-ġurnata, il-President ta’ Malta twassal diskors importanti; u dis-sena ma kienx b’inqas għaliex tkellmet fost l-oħrajn dwar il-governanza tajba, għal Malta aħjar milli sibniha.

“Noqogħdu attenti illi liż-żgħar tagħna ma nikkorrompuhomx bl-eżempju.”

Messaġġ b’saħħtu li twassal mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono fid-diskors tagħha f’Jum ir-Repubblika; diskors li għalih attendew l-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech akkumpanjat mis-sinjura tiegħu AnneMarie Grech, Presidenti Emeriti tar-Repubblika, il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra. 

Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta appellat sabiex il-Membri Parlamentari jmexxu lil pajjiżna bl-eżempju.

“Nibqa’ ngħid illi anqas ma r-rappreżentanti tal-poplu jagħtuh x’jagħmel lill-Kummissarju tal-Istandards, aktar ikun jistħoqqilhom it-titlu ta’ Onorevoli.”

B’rabta mal-ħidma tal-Kummissarju tal-Istandards, Spiteri Debono appellat biex ir-rakkomandazzjonijiet ma jibqgħux fuq l-ixkaffa.

“Huwa desiderabbli illi r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn inkjesti pubbliċi jkunu implimentati.”

Kien hawnhekk fejn, bħal ħafna, issuġġeriet l-idea li l-Membri Parlamentari jkunu jaħdmu fuq bażi full-time.

“Wasal iż-żmien biex neżaminaw il-mod kif il-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati tkun aktar b’saħħitha?”

Bil-President tappella biex ħadd ma jintervjeni fil-ħidma li jeħtieġu jagħmlu t-tliet pilastri tant importanti f’pajjiżna – il-Qrati, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija.

“Kull tip ta’ pressjoni wkoll jekk ġejja minn intenzjonijiet tajba hija perikoluża; anke l-intenzjonijiet tajba jistgħu jitfgħuna f’infern.”

U fuq livell lokali, il-President ta’ Malta kkritikat il-fatt li l-Kunsilli Lokali ttieħdilhom sew il-poter sabiex jaħdmu favur iċ-ċittadini fil-bliet u rħula tagħna.

“Qegħdin naraw illi l-Kunsilli Lokali nipprovdulhom l-għodda u l-finanzi neċessarji sabiex ikollhom rwol aktar effettiv fil-komunità?”

Jum ir-Repubblika beda bil-parata mis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Triq ir-Repubblika. Mal-wasla tagħhom fi Pjazza San Ġorġ, is-suldati kienu spezzjonati mill-President ta’ Malta u ndaqq l-innu nazzjonali.

Biex imbagħad, għall-50 sena Repubblika, il-banda tas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta ffurmaw in-numru ħamsin biex jikkommemoraw dan il-jum.

Ma naqasx li fl-aħħar taċ-ċerimonja, kif saret it-tradizzjoni, numru ta’ tfal marru fi Pjazza San Ġorġ jiġbru l-iskrataċċ wara li kienu sparati tliet tiri mis-Suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta magħrufa bħala ‘fire of joy’.