“Inti tirrapreżenta l-aqwa li toffri l-Ewropa.”
Kien dan il-messaġġ li rċeviet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta ġiet ippreżentata b’unur prestiġjuż bil-Premju Forum Europa 2024… li saret bl-organizzazzjoni pretiġjuża ta’ Nueva Economia Forum f’Madrid.
F’ċerimonja li saret fit-Teatro Real, f’Madrid, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola ngħatat dan il-premju bħala rikonoxximent għall-“karriera politika tagħha, il-kontribut tagħha għall-bini tal-Ewropa, u għall-impenn dejjiemi biex tkun ta’ servizz għat-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea, il-valuri fundamentali ta’ dan il-proġett u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea”.
Nueva Economia Forum iddikjara lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola bħala persuna li “bniet u ddefendiet il-maġġoranzi fil-Parlament Ewropew li kienu deċiżivi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ewropa; il-promozzjoni ta’ drittijiet akbar għaċ-ċittadini tagħha, l-investiment fit-tkabbir, is-sostenibbiltà u l-impjiegi; u l-ugwaljanza”.
F’diskors li għamlet Roberta Metsola saħqet li dan l-premju ipoġġi aktar responsabbiltà fuqha u fuq il-Parlament Ewropew li jibqgħu jiddefendu għal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-paċi u s-solidarjetà.
X’ħin irċeviet dan l-unur, il-President Metsola qalet li “tinsab onorata mmens li rċiviet dan l-unur f’isem il-Parlament Ewropew u dawk kollha li jaħdmu bla heda biex jiddefendu l-valuri li jiddistingwuna bħala Ewropej.”
Għal din iċ-ċerimonja attendew madwar 800 persuna minn istituzzjonijiet ewlenin Spanjoli fosthom il-Ministru Spanjol għall-Affarijiet Barranin, Josè Manuel Albares Bueno, partiti politiċi, kumpaniji u membri tas-soċjeta ċivili.
Fi snin preċendenti, dan l-premju ngħata lil figuri internazzjonali prominenti bħal Angela Merkel u Jose Manuel Barroso.
//= $special ?>