Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna ipparteċipaw flimkien fil-Pontifikal li tmexxa minn Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna fejn tkellem fuq is-sinifikat ta’ din il-ġurnata.
“X’se tkun kisbet ir-Repubblika jekk tagħmel progress ekonomiku u tirriforma l-istituzzjonijiet tagħha imma ma tipprovdix għad-don tal-ġenerazzjonijiet futuri?”
Il-Ġimgħa filgħodu f’Jum ir-Repubblika Monsinjur Scicluna tkellem dwar il-fatt li r-rata tat-twelid f’Malta naqqset sew; tant li għandna l-aktar rata tat-twelid baxxa fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
“Irridu naħsbu dwar l-għeruq u l-kawża ta’ dan kollu, u fl-interess tal-wirt tagħna u l-preservazzjoni tal-etniċità tagħna, jeħtieġ li nkunu proattivi fil-promozzjoni tal-barka tal-ulied fil-familji tagħna.”
Iżda sabiex iseħħ dan, huwa appella lill-Gvern li jirrikonoxxi u jaġixxi dwar għadd ta’ sitwazzjonijiet li qed jaffetwaw lill-poplu.
“Pagi ġusti, akkomodazzjoni affordabbli, rikonoxximent lejn il-kontribut tal-ommijiet u l-missirijiet li jieħdu ħsieb ta’ wliedhom, servizzi soċjali anċillari, u faċilitajiet ta’ kura u ħarsien: dawn huma wħud mill-inizjattivi li r-Repubblika tagħmel tajjeb li tinkoraġixxi sabiex tissalvagwardja u tiggarantixxi l-futur tagħha.”
//= $special ?>