Hekk kif resqin dejjem iktar qrib żmien għal qalb ħafna Maltin, żmien il-Milied, is-Soċjetà Museum tibda anke l-attivatijiet tagħha biex tkompli tqanqal l-ispirtu tal-Milied fil-famlilji, speċjalment anke fit-tfal permezz tad-dimostrazzjonijiet bil-Bambin.
Apparti li kull raħal jorganizza d-Dimostrazzjoni rispettiva tiegħu, nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru fis-6:00pm fil-Belt Kapitali se ssir id-Dimostrazzjoni tal-Bambin ewlenija, li se tibda minn quddiem il-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja (maġenb Kastilja) u tgħaddi mill-qalba tal-Belt Valletta. Issir waqfa wkoll fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann biex tintalab it-talba tan-Novena tal-Milied ta’ San Ġorġ Preca. L-attività tintemm għas-7.15pm.
Se jkun hemm trasport organizzat mill-Mosta, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija u s-Swatar. Wieħed għandu jkellem lill-membri tal-Museum ta’ dawn il-parroċċi jekk jixtieq jagħmel użu mit-trasport.
Barra minn hekk, is-Soċjetà tal-Museum tistieden ukoll lill-familji Maltin, biex jattendu għad-dramm mtella’ mit-tfal tal-Museum bl-isem ta’ “West Bank”. Dan id-dramm se jittella’ fl-24 ta’ Diċembru fis-6pm mill-Museum tas-subien li jinsab f’19, Triq Papa Gwanni XXIIII, il-Mosta.
Id-Dimostrazzjoni bil-Bambin hija xi ħaġa mnissla fil-kultura Maltija u ma dak kollu li għadnu x’jaqsam maż-żmien tal-Milied. Sa minn kmieni Dun Ġorġ ried jagħtiha importanza lill-festa tal-Milied fis-Soċjetà li huwa waqqaf. Fil-Milied ta’ kważi 100 sena ilu, dak tal-1921, Dun Ġorġ kompla jikkonkretizza l-imħabba tiegħu lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni permezz ta’ dik li hu ried li tissejjaħ “Dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin” fit-toroq tal-ibliet u rħula Maltin. Din id-dimostrazzjoni, li llum saret biċċa mill-Milied Malti, xterdet mhux biss ma’ Malta u Għawdex kollu, imma wkoll barra minn xtutna kull fejn jinsab il-Museum.
//= $special ?>