Lokali

Il-vittma mqatta’ f’bagalja f’Tas-Sliema kien liebes biss ħarqa tal-adulti

Ir-raġel li nstab mqatta’ biċċiet f’bagalja fix-Xatt ta’ Tas-Sliema kien liebes biss ħarqa tal-adulti – b’idejh u saqajh maqtugħin u mremblin fil-plastik.

Id-dettalji xokkanti b’rabta mal-każ tal-ġisem li feġġ fix-Xatt ta’ Tas-Sliema komplew joħorġu f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, fid-Depot tal-Pulizija kmieni s-Sibt filgħodu.

Minn informazzjoni li ġiet ipprovudta mill-Pulizija, jirriżulta li l-vittma ġie identifikat bħala raġel Kolombjan ta’ 50 sena, u nstab fil-bagalja, imqatta’ biċċiet, u mingħajr ħwejjeġ għajr ħarqa tal-adulti.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li l-katavru tar-raġel safa mqatta’ b’mannara wara l-mewt tiegħu. Bl-awtopsja tikkonferma li fl-intern tiegħu huwa kellu 101 kapsola ta’ kokaina.

Kien wara jiem ta’ investigazzjonijiet intensivi li wasslet biex fit-12 ta’ Diċembru jiġi arrestat il-Kolumbjan ta’ 43 sena f’residenza fl-Imsida. Fejn fl-istess post, kien hemm ukoll resident Portugiż ta’ 39 sena li qed jinżamm arrestat – u li l-Pulizija, f’din ir-residenza, sabu l-mannara li ntużat biex il-katavru jiġi mqatta’.

Wara din is-sejba, il-Pulizija llokalizzaw residenza oħra, ftit metri ‘l bogħod minn dik li nstab fiha s-suspettat u li hi maħsuba li minnha nġarr il-vittma.

Minn dak li ġie spjegat fil-konferenza, jidher li ż-żewġ persuni arrestati u l-vittma, huma maħsuba li jagħmlu parti minn ċirku organizzat ta’ kriminalità organizzata. Iżda l-Pulizija m’għandix informazzjoni konkreta dwar dan iċ-ċirku, u l-operazzjonijiet tiegħu f’pajjiżna.

Madanakollu, huwa possibbli li s-suspettat ewlieni għamel il-wasla tiegħu f’pajjiżna matul dawn l-aħħar xhur.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija, b’rabta mal-identifikazzjoni taċ-ċirku organizzat li l-vittma u s-suspettat jista’ jkun huma msieħba fiha, għadhom għaddejin.

Il-konferenza ngħatat mill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, u numru ta’ Spetturi oħra, filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, ma kienx preżenti għal din il-konferenza.