Michael Caruana, l-awtur tal-ktieb Ġorġ Borg Olivier: il-Bniedem, il-Politiku u l-Missier ta’ Malta Indipendenti, ippreżenta kopja tal-ktieb tiegħu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Il-ktieb ġie ppubblikat mill-Partit Nazzjonalista f’għeluq is-sittin anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta.
Qabel ma ppreżenta l-ktieb, Michael Caruana enfasizza li l-qawwa ta’ dan il-ktieb tinsab fl-esperjenzi li ġabar ta’ nies li għexu jew li kienu qrib ta’ Borg Olivier. Hu qasam ma’ Bernard Grech uħud minn dawn l-esperjenzi.
Bernard Grech qal li mil-laqgħa li kellu mal-awtur tal-ktieb seta’ jifhem aktar l-esperjenzi li għadda minnhom l-Eks Prim Ministru u Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista. Qal li seta’ jifhem aktar lill-bniedem, lill-politiku onest, serju u integru li kien Missier Malta Indipendenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li għandna ħafna x’nitgħallmu minn Ġorġ Borg Olivier u għalkemm issa ilu li ħalliena 43 sena, l-eżempji tiegħu għadhom kollha rilevanti għal żminijietna. Bid-determinazzjoni tiegħu, għax kien jaf li miexi fit-triq it-tajba, Borg Olivier ma ħalla lil ħadd u lil xejn jaqtagħlu qalbu.
Michael Caruana ppreżenta wkoll kopja tal-ktieb tiegħu lil Dr Alexander Borg Olivier, bin Ġorġ, li kien Malta għal xi żmien. Dr Borg Olivier faħħar l-inizjattiva ta’ Caruana li se ġġib f’kull min jaqra l-ktieb memorji sbieħ mill-passat.
Dr Borg Olivier għandu jerġa’ jiġi Malta f’Jannar li ġej biex jattendi għat-tnedija uffiċjali tal-ktieb Ġorġ Borg Olivier: il-Bniedem, il-Politiku u l-Missier ta’ Malta Indipendenti li se ssir fil-Palazz ta’ Sant’Anton, fis-16 ta’ Jannar, taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Sadanittant, il-ktieb qed jinbiegħ mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista għal donazzjoni ta’ €25.
Michael Caruana jippreżenta wkoll kopja tal-ktieb tiegħu lil Alexander Borg Olivier, bin Ġorġ Borg Olivier
//= $special ?>