Il-bagalja nstabet minn żewġ minorenni fiż-żona ta’ Manoel Island, bl-akkużat jinżamm arrestat akkużat b’ħabi ta’ katavru fost l-oħrajn.
Kienu dawn uħud mid-dettalji xokkanti li ħarġu fil-Qorti meta tressaq Kolumbjan ta’ 43 sena, b’rabta mas-sejba makabra ta’ raġel barrani, li nstab imqatta’ biċċiet f’bagalja fix-Xatt ta’ Tas-Sliema t-Tnejn li għadda.
Andres Leonardo Duran tressaq quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, ħamest ijiem wara sejba makabra – f’awla bi preżenza qawwija ta’ Pulizija.
Aġitat, il-Kolumbjan ġie akkużat li ħeba katavru, li pprova jaħbi traċċi ta’ reat, ħasil ta’ flus, pussess aggravat u traffikar tad-droga.
Mix-xhieda li ħarġet mill-Qorti jidher illi fid-9 ta’ Diċembru, il-Pulizija rċeviet informazzjoni li nstab katavru fix-Xatt ta’ Tas-Sliema minn żewġ minorenni li kienu fuq padel boat – li daħħlu bagalja li sabu f’nofs il-baħar fiż-żona ta’ Manoel Island lejn ix-xatt sabiex jiftuha.
Kien f’dan il-mument, li żewġ barranin, li kienu max-xatt fetħu din il-bagalja u sabu katavru mqatta’ biċċiet, imgeżwer fil-boroż tal-plasik.
Bil-Pulizija tissokta bl-investigazzjonijiet tagħha sabiex tillokalizza l-persuni nvoluti f’dan il-każ u anke tistabilixxi l-identità tal-vittma.
Fejn permezz ta’ tabella li ħalla s-suspettat mal-bagalja, li kien għad kellha l-prezz magħha, il-Pulizija setgħu jistudjaw il-passi li ħa s-suspettat.
Minn diversi filmati tas-CCTV, il-Pulizija sabu li l-persuna nvoluta fir-rimi ta’ dan il-katavru, xtara l-bagalja u l-mannara minn ħanut f’San Ġwann propju lejliet is-sejba tal-katavru – cioè il-Ħadd 8 ta’ Diċembru.
Bil-Pulizija jidentifikaw il-Kolumbjan mis-CCTV u għaldaqstant jarrestawh fit-12 ta’ Diċembru fir-residenza tiegħu fl-Imsida, fejn ġiet lokalizzata wkoll il-mannara li ntużat f’dan ir-reat.
U wara siegħat twal ta’ interogazzjoni fid-depot tal-Pulizija, fejn is-suspettat ammetta l-involviment tiegħu f’dan il-każ, il-Pulizija waslet għall-konklużjoni li l-Kolumbjan jitressaq il-Qorti akkużat, b’ħabi ta’ katavru, li biddel jew qered traċċi ta’ evidenza, li organizza u ħa sehem f’għaqda bi ħsieb li twettaq reat, assoċjazzjoni kriminali, traffikar u pussess aggravat ta’ droga u ħasil ta’ flus.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Mars-Anne Farrugia ordnat li jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużat filwaqt li ddikjarat li għall-ebda raġuni ma’ jista’ jsir trasferiment ta’ propjetatjiet minn naħa tal-akkużat.
L-aħħar dettalji li ħarġu matul il-jum iwaqqgħu l-aħbarijiet foloz li kienu qed jiċċirkolaw f’sezzjonijiet oħra tal-media; fosthom li l-mannara u l-bagalja inxtraw min-Naxxar. Bil-Pulizija jikkonfermaw li dawn inxtraw minn San Ġwann.
Anke r-rapporti li l-vittma inqatel ma kienux vera, għaliex l-investigaturi – għallinqas għalissa – qed jimxu fuq it-teżi li l-barrani kien diġa’ miet meta qatgħulu idejh u saqajh bil-mannara.
Il-vittma, li għandu 50 sena, instab liebes biss ħarqa tal-adulti. U fl-istonku kellu mal-mitt kapsola bil-kokaina.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Kurt Zahra, bl-Avukati minn naħa tal-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali jkunu Kaylie Bonett u Dejan Darmanin filwaqt li għall-akkużat dehret l-Avukat Janica Barbara Sant.
//= $special ?>