F’nofs kriżi interna, il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jitfa’ l-problemi tal-Gvern tiegħu taħt it-tapit bit-tama li l-festi tal-Milied inessu xi ftit mis-sitwazzjoni kritika li għaddej minnha l-Partit Laburista – bil-qasma fil-Kabinett tidher dejjem aktar evidenti.
Il-Ħadd filgħodu, Robert Abela baqa’ jevita għal kollox milli jħabbar azzjoni konkreta fil-konfront tal-Ministru Clint Camilleri. Anzi, qed jagħżel li jibqa’ jiddefendih. Dan wara li kien ikkundannat mill-Kummissarju tal-Istandards b’rabta mal-każ skandaluż tal-mara ta’ Clayton Bartolo.
U filwaqt li Bartolo irriżenja mill-Grupp Parlamentari… lil Clint Camilleri baqa’ jiddefendih sal-aħħar. Anke jekk il-ġimgħa l-oħra faqqa’ skandlu ġdid dwaru; l-iskandlu tal-irmiġġi u l-mod kif qed jiġu proċessati l-applikazzjonijiet għall-marina tal-Imġarr, Għawdex. Bil-Ministru jibqa’ ma jweġibx l-akkużi ta’ allegat tixħim f’dan il-proċess.
Intant, quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Robert Abela wassal diskors mimli attakki partiġġjani fejn moħħu kien biss biex jattakka lill-Partit Nazzjonalista.
F’dan id-diskors, Robert Abela saħaq kif il-Gvern tiegħu qed jżomm il-prezzijiet tad-dawl u tal-ilma stabbli, iżda għażel li ma jindirizzax il-fatt kif se jsolvi l-kriżi tal-provista tal-elettriku li ħafna familji Maltin u Għawdxin qed jesperjenzaw fl-eqqel tas-sajf.
Barra minn hekk, Abela tenna kif hawn bżonn kontroll fuq il-ħaddiema barranin u li nħarsu lejn turiżmu ta’ kwalità. Dan meta kien l-istess Gvern Laburista li ħoloq mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwantità tant li issa lanqas biss għandu soluzzjoni għall-popolazzjoni esseġerata u n-nuqqas ta’ kwalità fit-turisti li jżuru pajjiżna. B’riżultat ta’ dan issa l-poplu Malti u Għawdxi qed ibati l-konsegwenzi tiegħu, sforz l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ ppjanar ta’ Gvern Laburista.
Rigward l-iskema stabbiltà, Robert Abela qal kif din l-iskema ħadmet u li ħalliet il-frott, minkejja li l-korpi kostitwiti, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-SMEs saħqu kif din l-iskema ma ħallietx ir-riżultati mixtieqa. Xi ħaġa li żgur mhux forsi wieħed jista’ jinnotaha meta jmur jagħmel xirja għall-bżonnijiet neċessarji.
Kumment li juri kemm Abela jew hu maqtugħ mir-realtà jew inkella verament irid jinjoraha l-ħtiġijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.
U dan meta lanqas biss semma’ s-sitwazzjoni attwali fl-MCAST dwar il-ftehim kolletiv mal-letturi li ilu li skada tliet snin, bil-Gvern li qed ikompli jkaxkar saqajh.
//= $special ?>