Lokali

Għaxart ijiem għal-lejl tal-Milied

Jinsabu fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għall-ġimgħa tal-Milied, hekk kif fl-aħħar sigħat komplew jirrankaw it-tħejjijiet għall-ikliet ta’ żmien il-festi u x-xiri tar-rigali. Dan f’atmosfera festiva mill-isbaħ, minkejja li l-Ħadd kienet ġurnata immarkata minn xita u temp griż.

Iżda dan ma qatax qalb lil mijiet ta’ familji li tul il-jum ħonqu t-toroq ta’ diversi zoni kummerċjali bħal Tas-Sliema, il-Mosta u anke l-Belt Valletta.

Net News saqsa lin-nies li kienu preżenti fit-toroq tal-Belt Valletta jekk diġa’ xtrawx ir-rigali tal-Milied.

Intant, nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru se tkun qed issir il-purċissjoni tradizzjonali bix-xbieha ta’ Ġesu Bambin.

Din l-attività se ssir fis-6pm fil-Belt – dimostrazzjoni tal-Bambin ewlenija li se tibda minn quddiem il-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja u tgħaddi mill-qalba tal-Belt.

Waqt il-purċissjoni ssir waqfa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann biex tingħadd it-talba tan-Novena tal-Milied ta’ San Ġorġ Preca.