Ewropa Lokali

Google jinkludu lil Roberta Metsola fil-video ‘2024 – Year in Search’

Google inkludew lill-President tal-Parlament Ewropew u MEP Maltija Roberta Metsola fil-video ‘2024 – Year in Search’.

Is-search engine popolari ippubblikat dik li sejjħet “riflessjoni editorjali ottimista tas-sena” annwali tagħha. Google juża l-informazzjoni tal-aqwa tendenzi ta’ tfittxija globali li jkun rreġistra biex jidentifika l-mumenti li jkunu spikkaw u ddefinixxew is-sena. Għall-2024, Google qed tiċċelebra “Breakout Searches” – tfittxijiet online li raw żieda ta’ 5,000% fl-interess għal tiftix madwar id-dinja.

Dawn it-tfittxijiet jirrappreżentaw dak li kien l-aktar sinifikanti fl-2024 u naturalment l-elezzjonijiet globali kienu parti minn dik l-istorja.

Id-dikjarazzjoni tal-President Metsola li “l-2024 se tkun l-akbar sena elettorali globali fl-istorja” tiġbor ir-rekord ta’ elezzjonijiet li sar madwar id-dinja matul din is-sena.

Il-filmati ta’ Roberta Metsola qed titfa’ l-vot tagħha fl-iskola primarja ta’ Tas-Sliema jakkumpanjaw filmati tal-President elett Amerikan Donald Trump, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer waqt il-kampanji elettorali rispettivi tagħhom, flimkien mat-titlu ‘breakout elections’.

Elementi oħra fil-filmat ta’ 4 minuti jinkludu atleti li kisru r-rekords waqt il-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi ta’ dan is-sajf u kisbiet sportivi oħra, l-artisti li ppakkjaw spazji miftuħa u l-istejjer li ddominaw l-aħbarijiet.

Fl-2024, kważi 200 miljun ruħ ipparteċipaw waqt l-elezzjonijiet Ewropej. Matul dawn l-elezzjonijiet, il-President Roberta Metsola ġiet eletta b’numru rekord ta’ voti f’Malta u Għawdex, reġgħet ġiet eletta President tal-Parlament Ewropew, u kisbet 90% tal-voti mitfugħa.