Internazzjonali

Il-Ġorġja: L-Oppożizzjoni ma tridx taċċetta lill-President ġdid li jissimbolizza l-politika kontra l-Punent

Il-Partiti tal-Oppożizzjoni fil-Ġorġja se jkomplu jqisu lil Salome Zourabichvili bħala l-President leġittimu tal-pajjiż – anki ladarba Mikheil Kavelashvili, il-President magħżul tal-Partit fil-Gvern, ikun inawgurat fil-kariga fid-29 ta’ Diċembru.

Zourabichvili hi sostenitur tal-Punent u tal-Unjoni Ewropea waqt li Kavelashvili – eks plejer tal-Premier League Ingliż li kien fuq il-kotba ta’ Manchester City – jispikka l-aktar għar-retorika estremista kontra l-politika Ewropea.

Kavelashvili, fil-fatt, jissimbolizza l-istil ta’ politika tal-Partit għall-Ħolma Ġorġjana li ilu s-snin imexxi lill-Ġorġja. Partit influwenzat mir-Russja u li ġranet ilu ffriża l-proċess tal-Ġorġja għas-sħubija eventwali tal-Istat fl-Unjoni Ewropea.

Il-kriżi politika fil-Ġorġja qatt ma kienet daqshekk akuta, b’Zourabichvili taħlef li se tkompli bħala President anki ladarba l-mandat tagħha għal sitt snin jiskadila proprju għada, it-Tnejn.  Hi  fissret il-Parlament f’Tbilisi bħala wieħed illeġittimu u li ma kellu l-ebda awtorità biex jagħżel lis-suċċessur tagħha.

Salome Zourabichvili irreferiet għall-għażla ta’ Mikheil Kavelashvili bħala ‘farsa’ u meta hu kien l-uniku isem li l-Gvern ippropona għall-Presidenza. Mistenni li Kavelashvili, ‘il quddiem, se jirranka l-kritika għall-Punent u bil-ħatra tiegħu bħala President qed turi li l-Partit għall-Ħolma Ġorġjana beħsiebu jissikka l-awtokrazija f’Tbilisi waqt li joħnoq l-aspirazzjonijiet tal-Ġorġjani li jkunu parti mill-UE.

Il-President Zourabichvili – bħala l-akbar avversarju tal-Partit fil-Gvern – anki qed tikkuntesta bl-aħrax ir-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta’ Ottubru, fejn il-Ħolma Ġorġjana baqa’ jżomm il-poter.. Elezzjonijiet li, skont diversi osservaturi barranin, kienu immanipulati favur il-partit fil-Gvern, bl-għajnuna tar-Russja.

Fl-istess ħin, wieħed irid jara x’se jkun il-pass li jmiss min-naħa tal-Gvern meta Zourabichvili qed tkompli tibgħat il-messaġġi fuq il-midja soċjali biex tenfasizza li ‘hi se tkompli bħala President tal-Ġorġja’. Hi qed tħeġġeġ ukoll biex il-Ġorġjani jibqgħu jopponu lill-Gvern li qiegħed japplika l-politika ‘tar-Russja’ bl-aktar mod sfaċċat fost l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tmur kontra l-interessi tal-poplu.