Internazzjonali

Il-Papa f’Korsika: Indirizzati l-problemi fil-Mediterran fost ir-riflessjonijiet għal żmien il-festi

Il-Papa Franġisku qed jikkonkludi żjara ta’ jum fil-gżira Franċiża ta’ Korsika, b’din iż-żjara simbolika tenfasizza l-attenzjoni tan-nies fuq it-tradizzjonijiet ta’ devozzjoni waqt dawn il-festi tal-Milied u, fuq nota anqas ferriħija, l-imwiet tal-immigranti u l-gwerer li għaddejjin fiz-zoni tal-Mediterran.

Din iż-żjara f’Ajaccio, il-kapitali ta’ Korsika u l-belt fejn kien twieled Napuljun Bonaparte, hi l-iqsar waħda li l-Papa qatt għamel ‘il hinn mill-Italja…Żjara li fost oħrajn qed tinkludi laqgħat separati mal-President Franċiż, Emmanuel Macron.

Fil-gżira ta’ Korsika – li ilha mill-1768 parti minn Franza ( u li hi eqreb l-Italja milli t-territorji Franċiżi)  — qed jgħixu madwar 340,000 persuna. Intant, din il-gżira għaddiet ukoll minn vjolenza instigata mill-elementi favur l-indipendenza u l-President Macron, proprju s-sena l-oħra, kien ippermetta biex Korsika tiffunzjona taħt sistema ta’ awtonomija limitata.

Waqt il-programm tal-Papa f’Korsika spikka d-diskors tiegħu lil aktar minn 400 parteċipant għall-Konferenza dwar ir-Reliġjożità Popolari  fil-Mediterran, organizzata mill-Isqof ta’ Ajaccio – il-Kardinal Francois-Xavier Bustillo.

Il-Papa, waqt id-diskors, irrifletta b’mod partikulari fuq it-tradizzjonijiet reliġjużi f’Korsika, fosthom id-devozzjoni lill-Madonna; magħrufa lokalment bħala l-Madonnuċċja u li, skont ma tgħid l-istorja, kienet ipproteġiet lill-poplu tal-Gżira mill-mewġa tal-pesta li ħakmet lill-inħawi fl-1656.

Sadanittant, il-kunċett Mediterranju – bis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u konflitt —  ukoll qed ikun fattur importanti waqt iż-żjara  u meta l-Papa kemm-il darba rrefera għall-immigrazzjoni li, fi kliemu, biddlet lill-Mediterran fl-‘akbar ċimiterju tal-Ewropa’.

Wara l-konferenza, il-Papa iltaqa’ mal-membri tal-kleru fil-Katidral tas’ Santa Marija Assunta qabel waqaf  biex jitlob quddiem l-istatwa tal-Madonuċċja. Il-programm għall-Kap tal-Kattoliċi — qabel ir-ritorn lejn Ruma — kien jinkludi wkoll quddies għall-massa fil-park ta’ Place d’Austerlitz.

IIl-Papa, nhar is-Sibt, ma attendiex għaċ-ċerimonji f’Pariġi relatati mal-ftuh mill-ġdid tal-Katidral ta’ Notre Dame li parti minnu nqerdet fost in-nirien devastanti tal-2019. Dan waqt li l-kelliema għall-Vatikan qalu li ż-żjara f’Korsika ngħatat priorità akbar mill-Papa li hu determinat biex  iwassal il-messaġġi tiegħu lill-komunitajiet tal-Kattoliċi li mgħandhomx daqstant profil għoli.