Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u ser jibqa’ t-tarka tal-Għawdxin”

Frank Anthony Tabone kien l-ewwel kelliem tal-attività li saret f’ Ta’ Sannat f’Għawdex. Hu rringrazzja lil Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li ġie approvat bħala kandidat f’isem il-PN fuq it-13-il distrett. Hu tkellem fuq il-Korp tal-Pulizija wara li hu ġej minn dak l-ambjent. Hu sostna li f’Għawdex il-popolazzjoni żdiedet sew u b’hekk il-kriminalità dejjem qed tiżdied b’mod naturali.

Tabone tkellem fuq kif ir-riżorsi tal-Korp tal-Pulizija naqsu minn żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern u fakkar kif għalkemm żdiedet il-popolazzjoni, jekk taħt Gvern Nazzjonalista kien hemm 130 uffiċjal stazzjonati Għawdex, issa hemm biss madwar 90 uffiċjal.

Hu tkellem dwar il-problema tad-droga li tinsab preżentament f’Għawdex u sostna li Partit Nazzjonalista fil-Gvern ser jerġa’ jistabbilixxi skwadra kontra d-droga sabiex b’hekk Għawdex terġa’ tkun il-gżira tal-paċi.

Norma Camilleri, kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, tkellmet fuq is-settur tas-saħħa f’Għawdex u kif Għawdex safa vittma ta’ frodi minn Vitals u Steward b’kollużjoni mal-Gvern Laburista. Hi sostniet li mhux talli l-Gvern qed ikaxkar saqajh biex jinġiebu l-flus misruqa lura, iżda wkoll li Għawdex spiċċa bla Sptar ġdid b’rużultat li għad fadal stennija ta’ snin għall-ftuħ tal-istess Sptar li suppost s’issa kważi lest.

Hi tkellmet kif il-PN dejjem kien fuq in-naħa tal-Għawdxin – kemm jekk għal ġlieda sabiex jinġiebu lura l-isptarijiet, u anke għal kemm-il darba l-PN iġġilied sabiex servizzi varji li ma kenux aċċessibbli f’Għawdex issa jistgħu jiġu pprovduti.

Norma Camilleri tkellmet kif Għawdex għandu bżonn viżjoni u direzzjoni ġdida, direzzjoni li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech biss jista’ jġib.

Minn naħa tiegħu Chris Said, Shadow Minister u Deputat tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex, beda billi rringrazzja lill-Għawdxin kollha li fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju taw riżultat b’saħħtu lill-Partit Nazzjonalista. Hu sostna li hemm bosta Sindki u Kunsilliera li qed jagħmlu biċċa xogħol eċċellenti f’Għawdex u dawn huma mera ta’ kif Partit Nazzjonalista fil-Gvern ser ikun qiegħed imexxi fuq livell nazzjonali.

Chris Said sostna li l-Partit Laburista fil-Gvern ġab lil pajjiżna f’salib it-toroq u għal darb’oħra l-poplu qed idur fuq il-PN sabiex jirranġa s-sitwazzjoni. Hu tkellem kif fi kważi 12-il sena saru biss ftit xogħlijiet ta’ infrastruttura, b’inqas minn 100 triq irranġati f’Għawdex.

Said tkellem kif PN fil-Gvern ġab fondi Ewropej għal xogħlijiet ta’ infrastruttura f’Għawdex – filwaqt li intorduċa tliet vapuri ġodda li għenu l-konnettività. Minn naħa l-oħra, Gvern Laburista m’għamel xejn fejn tidħol konnettività – apparti li ġab vapur Griek second-hand. B’hekk hu appella lill-Għawdxin sabiex mill-ġdid ikomplu jafdaw il-Partit Nazzjonalista.

Ix-Shadow Minister u Deputat Nazzjonalista Alex Borg tkellem kif fl-elezzjoni [enerali li jmiss il-Partit Nazzjonalista ser imur quddiem l-Għawdxin bil-fatt li l-PN dejjem kien hemm għall-Għawdxin. Hu semma kif il-Budget tal-Gvern għas-sena d-dieħla nesa kompletament il-gżira Għawdxija filwaqt li l-Ministru ta’ Għawdex infexx jagħti pagi eżorbitanti lill-mara tal-Ministru sieħbu milli jiżgura li jingħataw fondi a adegwati lil Għawdex.

Hu tkellem fuq it-turiżmu, settur importanti għal Għawdex, bil-Gvern jispiċċa iktar mitluf fi skandli fi ħdan il-Ministeru milli kif ser iressaq turiżmu ta’ kwalità lejn pajjiżna. Alex Borg tkellem ukoll dwar kif il-Partit Laburista daħaq bil-poplu Għawdxi kemm-il darba, madanakollu il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ tarka għall-Għawdxin u jekk jiġi fdat ser iwettaq bidliet importanti sabiex il-gżira Għawdxija tinħeles mill-kriżijiet li ħoloq dan il-Gvern.