Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola pparteċipat fit-tifkira tat-80 anniversarju mill-bidu tal-’Battle of the Bulge’: l-aħħar offensiva ewlenija Ġermaniża fuq il-fruntiera tal-Punent matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
F’mument kommoventi mdawra minn veterani, l-President Metsola tat ġieħ lil dawk kollha li taw ħajjithom f’waħda mill-battalji ewlenin tat-Tieni Gwerra Dinjija u għenu biex tiġi żgurata l-libertà fl-Ewropa.
Iċ-ċerimonja saret fiċ-Ċimiterju Amerikan fil-Lussemburgu u fil-belt ta’ Bastogne fil-Belġju. Fiċ-ċerimonja pparteċipaw ukoll ir-Re Philippe tal-Belġju, il-Gran Duka Henri tal-Lussemburgu, il-Prim Ministru tal-Belġju Alexander De Croo u l-Prim Ministru tal-Lussemburgu Luc Frieden.
Waqt iċ-ċerimonja, il-President Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq l-eroj li ġġieldu biex jiksbu lura l-libertà u t-tama fl-Ewropa. “L-emozzjoni għadha evidenti fuq wiċċhom u fil-vuċijiet tagħhom. Ingħaqadt ma’ veterani li għadhom ħajjin mill-Istati Uniti u n-nazzjonijiet alleati biex nirringrazzjahom talli għenu biex l-Ewropa teħles mit-tirannija, u biex intenni għaliex għandna bżonn l-Ewropa.”
Il-Battle of the Bulge, jew l-Offensiva ta’ Ardennes (Diċembru 1944 – Jannar 1945), kienet l-aħħar offensiva ewlenija Ġermaniża fuq il-fruntiera tal-Punent matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-battalja tieħu isimha wara l-“bulge” maħluqa fil-linji Alleati. It-temp kien fattur sinifikanti tul il-battalja b’temperaturi li kienu medja ta’ -7°C b’20cm ta’ borra, kif ukoll ċpar li affettwa l-viżibilità, u b’hekk ġabet fix-xejn is-superjorità tal-ajru li kellhom l-Alleati.
Il-battalja involviet aktar minn 700,000 truppi Alleati, inklużi l-forzi Brittaniċi, kontra madwar 500,000 suldat Ġermaniż. L-ammont ta’ vittmi kienu kbar fuq iż-żewġ naħat, b’19,000 suldat mill-Istati Uniti u kważi 11,000 mill-Ġermanja sfaw maqtula.
//= $special ?>