Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, ikkonferma li l-Istati Uniti tinsab għaddejja bil-kuntatti diretti mar-ribelli tal-grupp Islamista Hayat Tahrir al-Sham (HTS)…Il-grupp li kien strumentali fil-moviment armat li jiem ilu waqqa’ lir-reġim immexxi mill-eksdittatur Sirjan, Bashar al-Assad.
Dawn ir-ribelli, li, illum, qed jikkonsolidaw il-kontroll f’Damasku, qalu li huma, fil-preżent, qegħdin jaħdmu lejn futur għas-Sirjani li hu nieqes mid-dmija, it-terrur u l-oppressjoni. Intant, il-kummenti ta’ Blinken huma l-ewwel dwar xi djalogu dirett bejn l-Amerikani u l-HTS, li Washington iqisu bħala organizzazzjoni terroristika.
Qed jingħad li l-Amerikani, waqt il-kuntatti mar-ribelli, talbu għall-informazzjoni dwar id-destin ta’ Austin Tice; ġurnalista li ilu nieqes mill-2012, wara li nħataf mill-membri ta’ grupp armat waqt li kien qed jirrapporta mis-Sirja.
Is-Segretarju Blinken kien qed jitkellem fil-Ġordan wara li kellu t-taħditiet mar-rappreżentanti ta’ diversi Stati Għarab, l-Ewropa u t-Turkija rigward il-futur tas-Sirja. L-HTS, sadanittant, ma bagħatx ir-rappreżentanti tiegħu għal din il-laqgħa.
L-uffiċjali qablu li jappoġġjaw il-proċess lejn tranżizzjoni ta’ poter paċifika fl-artijiet Sirjani, bil-Gvern tal-Ġordan jenfasizza li l-potenzi tal-Lvant Nofsani ma jridux jaraw lis-Sirja ‘tegħreq fil-kaos’.
Fl-istess ħin, il-komunikat konġunt sejjaħ għal Gvern Sirjan inkussiv li jirrispetta d-drittijiet tal-minoranzi u li fl-ebda ħin ma jipprovdi bażi għall-gruppi terroristiċi. Dan waqt li d-diskors fis-Sirja u ‘il hinn minnha qed jenfasizza l-importanza li l-Gvern ġdid f’Damasku jirrappreżenta lis-Sirjani f’kull qasam tas-soċjetà.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern Iraqi esprima l-inkwiet dwar il-futur tas-Sirja ‘wara Assad’ u liema tħassib qed ikun espress minn diversi bnadi oħra fil-Lvant Nofsani.
L-Iraq u l-pajjiżi fir-reġjun qed iwissu biex is-Sirja ma tispiċċax f’sitwazzjoni ta’ anarkija bħalma eżistiet fil-Libja wara li tqaċċat l-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi. Dan fost l-insistenza biex l-Amministrazzjoni ġdida f’Damasku taċċerta minn sistemi ta’ tmexxija aktar ħielsa għall-komunitajiet kollha f’pajjiż li sa ftit ilu kien fost l-aktar dittatorjati riġidi fil-Lvant Nofsani.
U waqt li l-istituzzjonijiet fis-Sirja jridu jgħaddu minn riforma sħiħa, il-Gvern tat-Turkija wissa biex il-gruppi terroristiċi ma jitħallew qatt jieħdu vantaġġ minn dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni fl-artijiet Sirjani…Dan meta l-Istati tar-reġjun ukoll jeħtieġu li, bħala kollettiv, jikkoordinaw l-isforzi biex dan ma jseħħx filwaqt li jitgħallmu mill-iżbalji tal-passat.
//= $special ?>