Lokali

Jiddaħħal rikors dwar l-irmiġġi fil-port tal-Imġarr li jikkonferma l-aħbar żvelata minn il-mument

Rikors li ġie ppreżentat fil-Qorti jikkonferma l-aħbar li kienet żvelat il-gazzetta il-mument dwar xamma ta’ tixħim fl-għoti ta’ rmiġġi fil-port tal-Imġarr, Għawdex.

Fl-aħħar jiem, il-mument kien żvela kif sajjieda Għawdxin li għandhom il-laneċ tas-sajd u opri oħra tal-baħar tagħhom irmiġġjati fil-Port tal-Imġarr allegaw li l-proġett ta’ mill-inqas €6 miljun f’pontoons ġodda hu mċappas ma’ tixħim għar-rigward tat-tqassim tal-istess irmiġġi.

Il-proġett tal-pontoons il-ġodda fil-Port tlesta fl-2021 u wassal biex l-irmiġġi ġodda li jaqgħu taħt Transport Malta f’Għawdex, żdiedu bi ftit inqas minn mitt post. Issa għal dawk il-postijiet kienu nfetħu applikazzjonijiet u f’ċertu mumenti t-total tal-applikazzjonijiet kien ta’ ċirka 360.

Kien stabbilit li l-ewwel preferenzi jingħataw lis-sajjieda full-time u oħrajn part-time. Ġara iżda li f’Għawdex mill-ewwel ġriet il-kelma li jekk trid irmiġġ kellek tkellem lill-Ministru Clint Camilleri… u bosta kienu dawk li jew kellmu lilu direttament inkella lil ċertu persuna partikulari qrib tiegħu!

Dawk li tkellmu ma’ il-mument allegaw tixħim fit-tqassim ta’ ċerti rmiġġi, anki għall-fatt li ċerti persuni spiċċaw b’irmiġġ f’dawn il-pontoons fl-Imġarr meta m’għandhom l-ebda dritt. Jingħad li rmiġġ fil-Port tal-Menqa jġib flejjes kbar.

Biex issa, l-avukat Jason Azzopardi ressaq rikors sabiex jitlob lil maġistrat biex b’urġenza jiftaħ Inkjesta Maġisterjali ħalli toħroġ il-verità kollha dwar dan il-każ.

Fir-rikors intqal kif Toni Caruana – maghruf bhala “ZBIBU”, mill-Qala, jigi missier Christoph Caruana, li huwa person of trust tal-Ministru ta’ Ghawdex Clint Camilleri u li sa ftit ilu kien il-Head tal-Customer Care tal-Ministeru t’Ghawdex – waqt li jkun fir-raħal kien jiltaqa’ ma’ persuni li, wara li jingħata jew jiġi mwiegħed ir-rigali, inkluz flus jirranġalhom, permezz ta’ ibnu, biex jew jingħataw impjieg mal-Gvern, jew jingħataw irmiġġ fil-Port tal-Imgarr. Dan anke jekk ma jkunux sajjieda u anke jekk ma jkunx imissihom huma fil-lista ta’ dawk li qed jistennew għal irmiġġ.

B’ibnu imbagħad allegatament ikellem lil uffiċjal pubbliku fi ħdan Transport Malta f’Għawdex, Marcel Meilaq, qrib tal-Ministru Camilleri tant li kien ħolqa essenzjali għal dan ir-racket.

Ir-rikors ta’ 52 paġna jidħol sew fid-dettall b’rabta ma’ dan ir-racket, bl-avukat Azzopardi jisħaq li tkun biss Inkjesta Maġisterjali li tista’ u ghandha l-mezzi u l-awtorità tordna l-preservazzjoni tas-suġġett materjali, inkluż is-sekwestru ta’ servers u mobiles tal-ufficjali pubblici msemmija.