Lokali

“Qiegħ il-baħar jirrakkonta l-istorja rikka tal-gżejjer tagħna”

Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-Akkwarju Nazzjonali esponew il-wirt storiku uniku li maż-żmien instab f’qiegħ il-baħar.

Opri storiċi li weħidhom jirrakontaw l-istorja rikka ta’ pajjiżna.

Fost l-oġġetti esebiti hemm bosta sejbiet ta’ epoki differenti – li jmorru lura minn żmien il-Feniċi sat-Tieni Gwerra Dinija. Storja ta’ kważi elfejn sena li qed tiġi ppreżentata permezz ta’ dawn is-sejbiet.

Min naħa tagħha t-tmexxija tal-Akkwarju Nazzjonali sostiet li din l-esebizzjoni hija aċċessibbli għal kulħadd. U spjegat li tinsab ħerqana sabiex matul is-snin tkun tista’ dejjem iktar tgħarraf lin-nies dwar l-istorja unika tal-Gżejjer Maltin li f’dan il-każ qed tiġi rrapreżentata minn sejbiet minn qiegħ il-baħar.

Tul is-snin, il-baħar ta’ madwarna qarribna lejn fdalijiet uniċi li jfakkru l-istorja u l-importanza tal-pożizzjoni ta’ pajjiżna matul sekli sħaħ.

Heritage Malta sostiet li l-iskop tal-istituzzjoni huwa li mhux biss tippreserva l-wirt storiku, però anke tagħmlu aċċessibbli għall-kumplament tal-poplu Malti.