“Bil-post tiegħu fuq Facebook, Robert Abela kkonferma li huwa mwerwer mill-verità u mill-ġustizzja għax jaf li bħal ta’ qablu qed imexxi Gvern mifni bil-korruzzjoni, b’Ministru wieħed wara l-ieħor jinqabdu f’każijiet serji ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter u tħanżir.”
Kien dan li ntqal fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista miktuba mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina wara li Abela rrikorra għal Facebook biex jgħid li talab “lill-Ministru għall-Ġustizzja biex jiffinalizza r-riforma tal-Inkjesti Maġisterjali minnufih”.
Dan wara li l-avukat Jason Azzopardi daħħal rikors fil-Qorti li jitlob lil maġistrat biex b’urġenza jiftaħ Inkjesta Maġisterjali ħalli toħroġ il-verità kollha dwar l-aħbar żvelata mill-gazzetta il-mument dwar l-iskandlu tal-għotja ta’ irmiġġi lil persuni li ma kellhomx dritt jingħatawlhom.
Sajjieda Għawdxin allegaw kif il-pontoons ġodda fl-Imġarr huma mċappsa ma’ tixħim għar-rigward tat-tqassim tal-istess irmiġġi, bl-involviment dirett tal-Ministru Clint Camilleri u martu stess.
Fil-fatt, il-gazzetta kompliet tiżvela li l-Ministru Camilleri kien direttament involut fit-tqassim tal-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr, anke jekk il-Ministru Anton Refalo suppost huwa responsabbli mis-settur tas-sajd.
U żvelat ukoll li dawk kollha li riedu irmiġġi fil-port intalbu l-eluf ta’ ewro f’tixħim sabiex iserrħu rashom li jingħataw irmiġġ. B’sorsi jgħidu li kien hemm min intalab jagħti mal-€2,000 – u malli ħallashom dan ingħata l-irmiġġ, b’sorsi jgħidu li kien hemm ukoll min ingħata mat-tliet irmiġġi.
Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista qal kif dan huwa skandaluż għaliex minflok qed jippromwovi t-tfittxija u s-sejbien tal-verità u jinsisti li ssir ġustizzja, Robert Abela qabbad Ministru tiegħu sabiex b’għaġla kbira jfassal emendi fil-liġijiet ta’ pajjiżna li jagħmluha aktar diffiċli, jekk mhux saħansitra, iċaħħdu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mid-dritt tagħhom li jitolbu u jiksbu l-ftuħ ta’ inkjesti maġisterjali.
B’dan il-pass irresponsabbli, Robert Abela jrid ukoll jikkontrolla lill-Maġistrati ta’ pajjiżna li huma fdati biex iwettqu inkjesti maġisterjali li bihom ssir magħrufa l-verità u jiġi żgurat li ssir ġustizzja. Li kien għal Robert Abela ma bdewx u ma sarux l-inkjesti fost oħrajn dwar:
- Vitals u Steward
- 17 Black
- l-Electrogas
- il-Panama Papers
- il-windfarms tal-Montenegro
- ir-racket tal-benefiċċji soċjali
- ir-racket tal-karti tal-identità u s-serq tal-indirizzi
- l-abbuż ta’ fondi pubbliċi mill-Ministri tiegħu.
Huwa biss min jibża’ mill-verità u mill-ġustizzja, li jġib ruħu bil-mod kif qed iġib ruħu Robert Abela. Jaf li jinsab dahru mal-ħajt u għalhekk qed jattakka lil kull min jiġi quddiemu. Illum kulħadd jaf li Robert Abela huwa politiku diżonest, irresponsabbli u perikoluż.
Il-Partit Nazzjonalista se jirreżisti bil-qawwa kollha kull tentattiv ta’ Robert Abela u ta’ Jonathan Attard li bih jippruvaw iċaħħdu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mid-dritt tagħhom li jitolbu li jinfetħu inkjesti maġisterjali dwar reati serji. Robert Abela qed jhedded lis-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna u lil kull min jaħdem għall-verità u għall-ġustizzja.
Il-Partit Nazzjonalista għandu messaġġ wieħed u ċar lil Robert Abela: Aħna ma nibżgħux minnek.
//= $special ?>