Internazzjonali

Assad stqarr li l-intenzjoni tiegħu qatt ma kienet li jitlaq mis-Sirja

L-Eks President tas-Sirja Bashar al-Assad għamel l-ewwel stqarrija wara l-waqa’ tad-dittatorjat tiegħu. Huwa stqarr li l-pjan qatt ma kien li hu jaħrab lejn ir-Russja.

Fl-istqarrija tiegħu li ġiet ppubblikata fuq it-Telegram tal-presidenza Sirjana, Assad spjega li meta Damasku ġiet maħkuma mir-ribelli hu vjaġġa lejn il-bażi militari tar-Russja fil-provinċja ta’ Latakia sabiex josserva l-operazzjonijiet militari minn hemm.

Però, mal-wasla tiegħu nduna li s-Sirjani kienu abbandunaw il-bażi għaliex kienet taħt attakki kontinwi permezz tad-drones. Dan wassal għad-deċiżjoni li hu jivvjaġġa lejn Moska.

Fl-istqarrija, Assad insista li hu fl-ebda mument ma kkunsidra li jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu jew li jfittex refuġju.

L-għajdut li Assad ħarab mill-pajjiż żdied, speċjalment wara li lanqas il-Prim Ministru ma seta’ jagħmel kuntatt miegħu ladarba r-ribelli ħadu taħt idejhom l-ibliet Sirjani.

Bħalissa, ir-ribelli qed jippruvaw jiffurmaw gvern tranżitorju.