Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li m’għandux dubju li jekk hemm lok ta’ investigazzjoni b’rabta mal-iskandlu tal-irmiġġi fl-Imġarr, il-Pulizija se jkunu qed jinvestigaw.
Dan hekk kif it-Tnejn filgħodu Net News staqsa lill-Eks Ministru tal-Ġustizzja, illum responsabbli mill-Kultura, għalfejn wara allegazzjonijiet serji ta’ kickbacks li jinvolvu l-Ministeru għal Għawdex – allegazzjonijiet żvelati aktar minn ġimgħa ilu mill-gazzetta Il-mument – kollox baqa’ qisu xejn mhu xejn.
Bil-Minsitru jfarfarha kompletament fuq il-Pulizija.
Intant, tul il-jum tal-Ħadd wara li l-Avukat Jason Azzopardi daħħal rikors fil-Qorti jitlob lill-maġistrat biex b’urġenza jiftaħ Inkjesta sabiex toħroġ il-verità kollha f’dan il-każ – il-Prim Ministru minnufih ħareġ jgħid li jrid jagħmel riforma.
Din id-dikjarazzjoni vaga fetħet lok għal diversi interpretazzjonijiet; fosthom li jista’ jċaħħad liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mid-dritt li jitlobu u jiksbu l-ftuħ proprju ta’ inkjesti maġisterjali.
Mistoqsi jekk hux hekk li jrid Abela, u x’qed jipproponi li jsir – Owen Bonnici ħarab għal aktar minn darba milli jfiehem lill-familji Maltin u Għawdxin.
Dan ifisser li għalissa n-nies se jibqgħu fil-għama dwar jekk hux se titneħħilu l-faċitlità li jissalvagwardja s-salta ta’ dritt.
U għal darb’oħra quddiem skandlu ieħor, il-Gvern qed jibqa’ immobbli… bħalma seħħ fl-Iskandlu ta’ Amanda Muscat, l-iskandli tal-benefiċċji soċjali u l-liċenzji tas-sewqan, l-iskandlu tal-Vitals, u aktar aktar f’lista li ġimgħa wara oħra sfortunatament taħt amministrazzjoni Laburista dejjem qiegħda tikber.
//= $special ?>