Lokali

Delegazzjoni ta’ bdiewa Maltin jipparteċipaw għall-ewwel darba fil-Kungress tal-bdiewa fi Brussell

Din il-ġimgħa kienet waħda importanti għal numru ta’ bdiewa Maltin, partikolarment żgħażagħ li pparteċipaw għall-ewwel darba fil-Kungress tal-Bdiewa organizzat mill-Partit Popolari Ewropew.

L-għaxar edizzjoni laqqgħet flimkien madwar 500 bdiewa, raħħala u stakeholders oħra fil-qasam minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha bil-għan li jikber l-għarfien u l-promozzjoni tal-agrikoltura fl-Ewropa, l-iżvilupp rurali filwaqt li jingħata sostenn għar-rwol fundamentali tal-bdiewa żgħażagħ f’dan is-settur.

Id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi bdiewa żgħażagħ mill-Fondazzjoni MaYA (Malta Youth in Agriculture) immexxija minn Jeanette Borg, kif ukoll raħħala minn Għawdex u Steven Zerafa li huwa riċerkatur tar-robotika u kif din tista’ tintuża fil-biedja. Il-Kungress iffoka fuq l-isfidi ewlenin ta’ bħalissa fl-agrikoltura, inkluż l-importanza tal-ilma għall-biedja fis-snin li ġejjin; kif se jiġi rriklamat aħjar il-prodotti agrikoli Ewropew u kif l-Ewropa se tħeġġeġ iktar żgħażagħ iżommu ħaj dan is-settur tant importanti għall-bniedem.

Il-bdiewa Maltin ipparteċipaw fid-diskussjoni li kienet tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Kummissarju Ewropew il-ġdid għall-biedja, Christophe Hansen, u numru ta’ MEPs u atturi oħra fil-qasam tal-politika agrikola. Ipparteċipa wkoll l-MEP Nazzjonalista Peter Agius li hu wieħed mill-Ewro Parlamentari tal-EPP li jappoġġja l-kungress u anke Young Farmer’s Prize li ngħata waqt il-kungress.

Il-Kungress tal-Bdiewa tal-EPP huwa intiż biex jiffoka l-politika Ewropea ħalli jiżdiedu ż-żgħażagħ fl-agrikoltura li naqsu bi 30% fl-aħħar 20 sena.