Lokali

Din l-Art Ħelwa jsejħu għall-kontabbiltà dwar l-approvazzjoni mill-PA b’rabta ma’ Fort Chambray

Fi stqarrija, Din l-Art Ħelwa qed isejħu għall-kontabbiltà wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni għat-twaqqigħ tal-barracks ta’ żmien l-Ingliżi f’Fort Chambray, f’Għawdex.

L-applikazzjoni kienet tinkludi t-twaqqigħ tal-bini storiku tal-barracks, bħala parti mill-iżvilupp f’din il-Forti – fejn se tinbena lukanda ta’ 5 stilel u blokok ta’ appartamenti.

Applikazzjoni li ġabet ħafna rabja fost iċ-ċittadini hekk kif din se tkun qed teqred sit storiku.

L-NGO innotat kif dan l-iżvilupp waqa’ fuq widnejn torox tant li l-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici, baqa’ f’silenzju dwar din l-applikazzjoni. Huma appellaw sabiex il-Ministru jieħu pożizzjoni hekk kif din hi materja kritika.

Dan hekk kif is-silenzju tiegħu qed jibgħat messaġġ li l-wirt kulturali u storiku mhux ta’ importanza għalih tant li mhux juri interess li jipproteġih.

Huma fakkru kif il-poplu jixraqlu t-trasparenza u li tittieħed azzjoni mill-mexxejja ta’ pajjiżna.