Għal ħafna dawn huma ġranet sbieħ ta’ festi, divertiment u rigali. Imma għal ħafna oħrajn dawn huma ġranet bħall-oħrajn, għaliex it-tbatija u s-solitudni ma jafux festi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet xi ftit differenti minn tas-soltu, ix-Shadow Ministers Albert Buttigieg u Ivan Bartolo tkellmu dwar il-ħtieġa li nerġgħu nibdew niftakru nieħdu ħsieb lil xulxin.
F’pajjiżna għandna bosta familji li qed jgħixu t-tbatija ta’ xi membru li għandu vizzju, u għandna bosta li ta’ kuljum iħossuhom waħedhom. Dan il-fenomenu jinħass aktar u aktar f’dawn il-jiem tas-sena.
Studju li sar mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjeta żvela li madwar 200,000 persuna f’pajjiżna jħossuhom waħedhom, u min jaf ukoll kemm hawn persuni barranin li jinsabu ‘l bogħod mill-għeżież tagħhom u li din iħossuha aktar.
Is-solitudni hija l-ġerħa l-ġdida tas-soċjetà tagħna u din twassal għal riperkussjonijiet koroh bħal problemi ta’ saħħa mentali u anke suwiċidji.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li ma nistgħux nibqgħu nitkellmu biss imma rridu ngħaddu minnufih għall-azzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista għandu diversi miżuri li qed jipproponi sabiex ikunu trattati dawn il-problemi, fosthom li jinħatar Segretarju Parlamentari u Kummissarju għas-Solitudni kif ukoll li jerġgħu jinfetħu night shelters li kien fetaħ Gvern Nazzjonalista u li bħalissa wħud minnhom jinsabu magħluqin.
Fakkru li jeħtieġ ma ndgħajfux lill-mezzi li jżommu kumpanija lill-anzjani – fosthom il-media houses lokali.
//= $special ?>