Lokali Qorti

Il-Kummissarju tal-Pulizija ħati ta’ arrest illegali fil-konfront tal-Ispettur Taliana: Jingħata kumpens ta’ €20,000

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija u lil Avukat tal-Istat jagħti kumpens ta’ €20,000 lill-Ispettur Elton Taliana fejn kien intalab li jinħareg Mandat ta’ Arrest kontrih.

U dan proprju wkoll meta kien qed jistenna li jieħu l-grad ta’ Supretendent, xi ħaġa li kellu jakkwista dan id-dritt wara li diġà rebaħ proċeduri legali u dan wara azzjonijiet meħuda mis-superjuri tiegħu biex jostakolaw il-progressjoni tiegħu.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali diġà kienet ikkonfermat sentenza mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn il-Kummissarju tal-Pulizija kien instab ħati dwar trattament ħażin fil-konfront tal-Ispettur Elton Taliana. Din mhux l-ewwel darba li l-Ispettur Taliana kien vittma ta’ trattament inuman u degradanti.

F’Settembru tal-2019 l-Ombudsman diġà kien qal li qiegħda isseħħ persekuzzjoni fil-konfront tal-uffiċċjal tal-Pulizija, meta seta’ ttelliflu ċ-ċans li huwa jiġi promoss għall-grad ta’ Supretendent. Il-każ kellu l-bidu tiegħu fil-każ ta’ ċertu Daryl Luke Borg.

Taliana kien mgħarraf minn Supretendent fil-Korp li dakinhar l-Iskwadra Investigazzjonijiet Kriminali kienet ressqet persuna – lil Daryl Luke Borg – quddiem il-Qroti tal-Maġistrati b’rabta ma’ serqa. Borg ma kienx ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Taliana kien irċieva tagħrif minn informatur li qallu min kienet il-persuna li kienet involuta fl-istess hold-up, u li kienet differenti minn dik li kienet tressqet il-Qorti. Fuq is-saħħa ta’ dan it-tagħrif, l-Ispettur Taliana kiseb l-awtorizzazzjoni mingħand il-Maġistrat tal-Għassa biex jarresta lill-persuna indikata lilu.

L-Ispettur Taliana għarraf b’dan lill-Maġistrat tal-Għassa u kien ordnat biex iressaq lill-persuna konċernata minnufih quddiem il-Qorti. Kien Roderick Grech li tressaq il-Qorti u quddiem il-Maġistrat hu ammetta l-involviment tiegħu fil-hold-up u dakinhar stess il-Qorti tat is-sentenza tagħha dwar dan il-każ. Taliana kien ġie mċanfar skorrettement u saru proċeduri kontrih dwar dan.

L-Ispettur Taliana kien fetaħ każ fl-2021 ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem għall-mod kif kien ġie trattat. Mill-provi prodotti, jirriżulta li Elton Taliana, fl-affidavit tiegħu qal li fl-14 ta’ Diċembru 2020 huwa kien talab lill-Ispettur Jonathan Ransley biex ilaħħaqlu duty tal-Għassa fuq id-distrett ta’ Birkirkara għax l-għada kellu l-interview għal Supretendent.

Jispjega li f’dak il-lejl tal-14 ta’ Diċembru 2020, il-Pulizija tad-distrett ta’ Birkirkara kienet irċeviet rapport
li kien hemm persuna barranija, ċertu Thomas Jackson ta’ nazzjonalità Ingliża, li kien qala’ xeba’ u tħalla fil-periklu tal-mewt.

Jispjega li fil-31 ta’ Diċembru 2020, kien ħareġ ir-riżultat rivedut tas-Superetendenti u hu kien kklassifika fis-seba’ (7) post. Jgħid li l-postijiet l-oħra, kemm min ġie qablu u kemm min ġie warajh kienu diġà ngħataw il-grad ta’ Supretendent tliet xhur qabel u ċioe` fit-2 ta’ Ottubru 2020.

Kompla li fil-bidu ta’ Jannar 2021, kien ġie avviċinat minn Charles Mercieca – avukat li sa ftit xhur qabel kien avukat fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali u għalhekk kien jikkomunika miegħu fuq xogħol, u dan qallu li kellu informazzjoni b’saħħita fuq Jackson u li kien ser jibgħatlu isem relatat.

Jispjega li ftit wara rċieva messaġġ fuq il-WhatsApp bl-isem ta’ Julian Geert Hofstra bin-numru tal-passaport tiegħu. Jgħid li hu bagħtlu l-konnotazzjonijiet tal-isem u ma tah l-ebda informazzjoni ulterjuri u dan kollu relatat mal-investigazzjoni li kienet qed issir.

Jgħid li fis-16 ta’ Jannar 2021, għal ħabta tal-11.30am, marret is-Supretendent Graziella Muscat max-xufier tagħha fir-residenza tiegħu u hu ħaseb li kienet marret biċ-ċertifikat tal-promozzjoni tiegħu għal Supretendent. Jgħid li ħarġitlu mandat t’arrest u qaltlu li l-mandat kien jispeċifika li għandu jinġabar il-mobile tiegħu.

Jispjega li ħarġet karta oħra fejn kien hemm id-dettalji ta’ persuna oħra li kien il-persuna li għandu x’jaqsam mal-investigazzjoni ta’ Jackson. Infurmatu li dak li kellu xi jgħid kellu jgħidu lill-Assistent Kummissarju Stephen Gatt fid-Depot. Jgħid li mar ġab il-mobile u wara li tħalla jagħmel telefonata biex ħassar appuntament, ta l-mobile lis-Supretendent jew lix-xufier tagħha.

Jispjega wkoll li s-Supretendent fl-ebda ħin ma qaltlu liema reat jew ir-raġuni għaliex kien qed jiġi arrestat. Jgħid li daħal fil-karozza u baqgħu sejrin id-Depot u mhux fl-eqreb għassa tal-Pulizija. Tenna li meta waslu d-Depot, l-Assistent Kummissarju Stephen Gatt tah twissija li jista’ ma jweġibx u kellu d-dritt ikellem avukat u hu għażel li jagħti l-verżjoni tiegħu.

Il-Qorti qalet li riżultat ta’ din l-għaġġla u dan l-aġir tas-superjuri tiegħu, wasslu għal dak li kkostatat il-Qorti, li qieset l-istorja turbulanti li kellu jgħaddi minnha l-Ispettur Taliana fl-aħħar snin. Għaldaqstant, il-Qorti Kostituzzjonali wara li qieset il-provi kollha mressqa u s-sottomissjonijiet magħmula, laqgħat it-talbiet u ddikjarat li l-Mandat ta’ Arrest u u t-tfittxija fil-konfront tal-Ispettur Taliana datat 15
ta’ Jannar 2021 jikser id-drittijiet fondamentali tiegħu kif sanċiti fl-Artikolu 34(2) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artikolu 5(1) u (2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Qorti Kostituzzjonali fis-sentenza tagħha ddikjarat li l-Kummissarju tal-Pulizija huwa ħati ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali ta’ Elton Taliana u tiddikjara konsegwentement li l-arrest, id-detenzjoni, l-interrogazzjoni, it-tfittxija u t-teħid ta’ oġġetti f’din it-tfittxija huma nulli billi huma konsegwenza diretta
ta’ eżekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest u Tfittxija li sar bi ksur tal-Kostituzzjoni u tal-Konvenzjoni Ewropea.

Il-Qorti qalet li konsegwentament il-Kummisarju tal-Pulizija huwa responsabbli għal kumpens u danni mhux pekunjarji sofferti mir-rikorrenti b’konsegwenza tal-arrest, detenzjoni, interrogazzjoni u tfittxija illegali, u qegħda tillikwida tali kumpens mhux pekunjarju fl-ammont ta’ €20,000.

Il-Qorti qalet li isem l-Ispettur Taliana għandu jitħassar mid-‘detainee book’ miżmum mill-Pulizija fejn tniżżel illegalment u bi ksur tad-drittijiet fondamentali tiegħu u tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jirrevoka u jirreverti kull deċizjoni li huwa ħa fir-rigward tal-promozzjoni tar-rikorrent għal grad ta’ Supretendent, sakemm dik id-deċiżjoni kienet konsegwenza diretta jew indiretta tal-arrest tar-rikorrent mertu ta’ din id-deċiżjoni.

L-ispejjeż tal-kawża jridu jitħallsu mill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-kawża saret ukoll kontra l-Avukat tal-Istat. L-Avukati Joe Zammit Maempel u Eve Borg Costanzi dehru għall-Ispettur Elton Taliana.