Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha preseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey ċaħdet kawża li l-ADPD fetaħ kontra l-Kummissjoni Elettorali u l-Avukat tal-Istat fl-2022 fuq nuqqas ta’ rappreżentazzjoni fil-Parlament Malti.
L-ADPD, dak iż-żmien immexxija mill-Perit Carmel Cacopardo, kien fetaħ każ kostituzzjonali biex jisfida l-liġi elettorali għax argumenta li minkejja li kien kiseb vot nazzjonali ekwivalenti għal kwota nazzjonali, ma rebaħx rappreżentazzjoni fl-elezzjoni tal-2022.
Huwa kien tenna li s-sistema qed taħdem kontra partiti żgħar u minkejja kważi 5,000 vot, il-Partit xorta mhux rappreżentat fil-Parlament u dan minħabba kif tinħadem is-sistema elettorali f’pajjiżna li mhijiex waħda ġusta.
L-ADPD akkużat lill-Kummissjoni Elettorali u lill-Avukat tal-Istat li kisru d-Drittijiet u Libertajiet Fondamentali tal-Bniedem għad-dritt ta’ elezzjonijiet ħielsa, li kisru d-dritt tal-libertà li persuni jassoċjaw irwieħhom ma’ għaqda u allura talab li din is-sitwazzjoni tkun rimedjata.
Il-Kummissjoni Elettorali ċaħdet dawn l-argumenti u qalet li mhux minnu li teżisti kwota nazzjonali u fakkret li waqt li l-ewwel preferenza tal-voti tiddeċiedi min għandu jiggverna l-pajjiz, fir-realtà l-ewwel preferenza u l-preferenzi sussegwenti jingħataw lill-kandidati nnifshom.
Il-Konvenzjoni Ewropea bl-ebda mod ma timponi xi sistema partikolari ta’ votazzioni fuq l-Istat imma tħalli l-Istati fil-libertà tagħhom li jagħżlu s-sistema li jkunu jridu huma. L-Avukat tal-Istat ukoll innota li dak li qed jitlob l-ADPD jikkonċerna l-iskop u l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.
Dan iffiser li mhux f’materji li jaqgħu esklussivament fil-kompetenza tal-Istati Membri, bħalma huma l-elezzjonijiet ġenerali u argumenta wkoll li l-ebda artikolu fil-Kostituzzjoni ma jista’ jitqies li huwa inkonsistenti mal-Kostituzzjoni stess.
Il-Qorti, laqgħet żewġ talbiet minn erbgħa tal-Avukat tal-Istat u ma laqgħetx it-talbiet tal-ADPD li minn naħa tagħha qalet li kienet se tappella mis-sentenza mogħtija.
//= $special ?>