Koppja mill-Ekwador, residenti f’Barcelona fi Spanja, ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Victor Axiak li importaw b’6.5 kilos “liquid cocaine” u nżammet arrestata wara li f’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li nhar is-Sibt li għadda, għall-ħabta tat-8pm, uffiċjali tad-dwana tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta infurmaw lill-iskwadra ta’ kontra d-droga li Jason Adrian Perez Penafiel ta’ 28 sena u Jennifer Yadira Intriago Molina ta’ 35 sena kellhom fil-bagalji tagħhom flixken tal-likwidu abjad li jikkontejni l-kokaina.
L-Ispettur Alfredo Mangion li flimkien mal-Avukat Nadia Ciappara mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-koppja kienu waslu Malta fuq titjira tar-Ryanair mill-belt kapitali Portugiża, Lisbona. Qal li l-akkużati ttieħdu wkoll l-isptar Mater Dei minħabba suspett li seta’ kellhom xi droga fl-istonku tagħhom, imma testijiet li saru rriżultaw fin-negattiv.
Kemm ir-raġel li qal lill-Qorti li ma jaħdimx, u l-mara li qalet li taħdem bħala carer, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Huma ġew mixlija li importaw id-droga għal skop ta’ traffikar u li kellhom fil-pusses tagħhom droga li ma kenitx għal użu personali tagħhom.
Il-Qorti, filwaqt li semgħet lill-Avukat Alexia Vassallo għan-nom tar-raġel akkużat u lill-Avukat Adriano Spiteri jiddikjaraw li f’dan l-istadju mhux se jagħmlu talba għall-pleġġ, ordnat il-ħruġ tal-iffriżar tal-assi fil-konfront tal-akkużati.
//= $special ?>