Raġel ‘homeless’ ta’ 48 sena mwieled il-Libja u li ilu sa mill-2013 bi problema ta’ droga, ġie kkundannat seba’ xhur ħabs wara li ammetta li seraq flokk minn fuq manikin li kulma jiswa’ kien biss ħames ewro. Huwa ammetta wkoll li sar riċediv b’diversi sentenzi tal-Qorti.
Il-każ seħħ nhar il-Ħamis u dan wara li sar rapport minn sid il-ħanut fil-Marsa, li kellha filmati tar-raġel qed iwettaq is-serqa. Ir-raġel ġie identifikat mill-Pulizija meta rawh liebes il-flokk inkwistjoni. L-ispettur Ian Vella qal li Ahmed Tarek Migiref Ftis ikkopera mal-Pulizija u li dan għandu problema ta’ droga u lanqas biss għandu fejn joqgħod.
Huwa ammetta wkoll li fl-istess żmien, lok u ċirkostanzi għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ u dan bi
ksur tal-artiklu 338(w) tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta. Wara li rat li fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2024, għall-mistoqsija tal-Qorti dwar x’jixtieq iwieġeb hux ħati jew le, l-imputat wieġeb li huwa ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba kontrih.
Wara li l-imputat ikkonsulta mal-avukat tiegħu u reġa’ ħasibha, wara li l-Qorti rat li meta reġgħet issejħet il-kawża l-imputat reġa’ wieġeb li huwa inkondizzjonatament ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba kontra tiegħu, u wara li semgħet it-trattazzjoni dwar il-piena fejn l-Ispettur qal li każ bħal dan jimmerita kundanna ta’ bejn seba’ xhur u sena ħabs u tenna li l-importanti hu li l-Libjan jibdel it-triq u li jingħata l-għajnuna kollha possibbli mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fid-dawl ta’ tali stqarrija ta’ ħtija inkondizzjonata mtennija, il-Qorti, wara li rat l-artikoli rilevanti tal-liġi sabet lill-imputat ħati u għalhekk applikat żieda ta’ żewġ gradi fil-piena minħabba r-reċidività tiegħu u tikkundannah piena karċerarja effettiva ta’ seba’ xhur.
Inoltre ai termini tal-Artikolu 412D tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta l-Qorti poġġiet lill-ħati taħt Ordni ta’ Trattament għal tliet snin u dan wara li kkunsidrat li jkun xieraq li ssir din l-ordni sabiex ikun jista’ jiġi mgħejjun jegħleb il-vizzju tad-droga.
L-ordni hija suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet elenkati fiha. Il-Qorti fissret lill-ħati bi kliem ċar u li jinftiehem, l-effetti tal-ordni u l-konsegwenzi legali jekk jonqos milli jikkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet
relattivi.
Inoltre il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Kumpens u ordnat lill-ħati jħallas lill-parti offiża l-ammont ta’ ħames euro fi żmien sitt xhur mis-sentenza bħala kumpens għat-telf li sofriet. Għal Migiref Ftis deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Adriano Spiteri.