Lokali

Erbgħa l-Isptar wara li minivan tal-iskola kien involut f’ħabta ma’ vann ieħor

Erbgħa persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li minivan tal-iskola kien involut f’ħabta ma’ vann ieħor fi Triq Mons Michele Azzopardi, is-Siġġiewi, limiti ta’ Ta’ Kandja.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2:15pm, b’vann minnhom spiċċa maqlub fuq ġenb.

Il-vann tal-iskola kien misjuq minn raġel ta’ 52 sena mill-Għargħur fejn fil-vettura miegħu kien hemm numru ta’ passiġġiera, possibilment tfal tal-iskola. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan il-vann.

Il-vann l-ieħor li nqaleb kien misjuq minn raġel ta’ 46 residenti San Ġwann fejn flimkien miegħu kien hemm erba’ passiġġiera, kollha nisa, bi tlieta minnhom huma ta’ 44, 48, u 63 sena mis-Siġġiewi, u persuna oħra ta’ 43 sena mir-Rabat.

Il-passiġġiera nisa ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa fejn għalkemm il-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa, l-ebda minnhom m’huma f’qadgħa kritika.

It-triq ngħalqet għal xi ħin sakemm saru l-investigazzjonijiet meħtieġa.