Lokali

Għaddiet sena oħra u l-Gvern għadu ma waqqafx il-Kummissjoni għas-Sigurtà fit-Toroq

L-għaqda Doctors for Road Safety qed terġa’ tappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni b’mod immedjat u jwaqqaf it-Transport Safety Investigative Commission – Kummissjoni li ilha żmien twil tiġi mwiegħda.

Dawn it-tobba wasslu dan l-appell b’saħħtu wara li fi tmiem il-ġimgħa Dieter Vink sfortunatament tilef ħajtu f’ħabta bil-mutur tiegħu fi skip li tħalla bla permess f’nofs il-bypass ta’ San Pawl il-Baħar.

Doctors for Road Safety stqarrew kif il-Kummissjoni responsabbli mill-investigazzjoni tas-sigurtà fit-toroq għal sena oħra baqgħet fuq l-ixkaffa. Din il-Kummissjoni hija essenzjali sabiex tinvestiga traġedji bħalma ġara l-ġimgħa li għaddiet, u kapaċi tagħmel it-tibdil meħtieġ.

Dan ġie mwiegħed lura fl-2022 fl-ewwel konferenza li din l-NGO qatt organizzat. U sal-lum, sentejn wara, l-ebda riforma għadha ma saret.

Dan juri kemm is-sigurtà fit-toroq mhix tiġi mogħtija l-importanza li jistħoqqilha minn min hu responsabbli.

Doctors for Road Safety għalqu l-istqarrija tagħhom billi appellaw lil kull min jagħmel użu mit-toroq sabiex joqogħdu attenti, speċjalment issa f’dan iż-żmien ta’ festi.