Il-Kanċillier tal-Ġermanja Olaf Scholz jinsab ottimist xorta waħda li jkun f’pożizzjoni biex imexxi Gvern ġdid u aktar sod ladarba ssir l-elezzjoni ġenerali bikrija matul ix-xahar id-dieħel.
Fil-fatt, Scholz indika li kien qed jistenna ‘eżattament’ ir-riżultat tal-vot li ttieħed fil-bidu tal-ġimgħa fil-Parlament Ġermaniż u fejn hu spiċċa sfiduċjat, u bil-Gvern immexxi minnu jispiċċa jxolji b’konsegwenza.
Madankollu, il-Kanċillier jibqa’ fiduċjuż li għalkemm il-Partit SPD (Soċjal Demokratiku) immexxi minnu kapaċi jitlef mill-appoġġ permezz tal-vot nazzjonali, il-kampanja elettorali għandha sservi biex l-SPD jorganizza ruħu f’entità politika aktar soda u li tappella lill-elettorat minbarra li jirriforma l-istrateġiji għall-interess nazzjonali.
Iżda x-xejriet fil-Ġermanja qed juru mod ieħor, bil-Konservattivi fl-Oppożizjzoni u l-elementi tal-lemin radikali mistennija japprofittaw min-nuqqas ta’ kuntentizza fost il-poplu….Dan ukoll meta ħafna fost is-setturi soċjali fil-pajjiż qed jidhru disposti għal bidla fit-tmexxija.
Il-vot ta’ fiduċja f’Berlin irriżulta fi 394 deputat jgħidu ‘le’ għal sitwazzjoni fejn Scholz seta’ ikompli bħala Kanċillier u b’207 jivvutaw ‘iva’ – b’116-il deputat jastjenu.
Scholz, bħala l-Kap tal-SPD, kien qed imexxi Gvern ta’ koalizzjoni bl-appoġġ tal-Partit Demokratiku Ħieles (FDP) u l-Partit tal-Ħodor iżda din l-alleanza kellha tiltaqa’ ma’ diversi intoppi kbar.
Fil-fatt, l-alleanza tkissret b’kaġun tad-diżgwid dwar il-politika ekonomika – bl-inkwiet intern jirranka meta Scholz, ġimgħat ilu, keċċa lil Christian Lindner, tal-FDP, minn Ministru tal-Finanzi talli hu rrifjuta li japprova ż-żidiet fit-taxxa inkella li l-pajjiż jidħol għad-dejn addizzjonali.
Il-vot ta’ sfiduċja f’Berlin, intant, wassal biex il-Kanċillier Scholz, fil-lejl tat-Tnejn, jiltaqa’ mal-President Ġermaniż, Frank-Walter Steinmeier u fejn, fost oħrajn, talab għax-xoljiment tal-Parlament.
U waqt li l-Ġermanja qed tiffaċċja aktar jiem ta’ inċertezza politika, id-data uffiċjali tal-elezzjoni għadha mhix magħrufa – bis-sorsi infurmati jgħidu biss li l-vot x’aktarx li jsir ‘fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar’.
//= $special ?>