Lokali

“il-Gvern ma jridx jirriforma l-faċilità korrettiva ta’ Kordin”

Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika juri li minn 17-il rakkomandazzjoni għall-ħabs, fi tliet snin twettqu biss tlieta; konferma oħra li l-Gvern Laburista ma jridx riforma bis-serjetà fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan hekk kif l-Awditur Ġenerali ikkonferma li għad hemm ħafna xi jsir sabiex verament isiru r-riformi meħtieġa fil-ħabs.

Ir-rapport tal-NAO sab ukoll li ftit li xejn sar progress dwar ir-rakkomandazzjoni għall-estensjoni tal-Ħabs. Dan apparti li elenka wkoll li hemm nuqqas kbir ta’ riżorsi umani fl-istess Faċilità.

Apparti minn hekk…ma ġewx implimentati r-rakkomandazzjonijiet dwar l-performance assessments tal-uffiċjali, u l-ħarsien tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tagħhom – u ma sarx it-taħriġ rakkomandat lill- ħaddiema.

Ir-rapport juri wkoll kif ma ingħatawx biżżejjed opportunitajiet edukattivi u placements tax-xogħol għall-priġunieri.

Fl-aħħar nett fir-Rapport tal-NAO ħareġ li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mhux qed tagħmel ir-riformi li titlob minnha s-soċjetà fuq dawk li jidħlu l-ħabs – u dan minħabba li ma’ ġie implimentat kważi xejn mir-rakkomandazzjonijet tal-Awditur.

Min naħa tiegħu l-Awditur Ġenerali fil-konklużjoni tiegħu stqarr li hemm bżonn aktar ħeġġa u sforz minn naħa tal-Gvern u tat-tmexxija tal-ħabs ta’ Kordin.

Il-Partit Nazzjonalista min naħa tiegħu sostna li dan hu ċertifikat ieħor ċar ta’ falliment għall-Ministru Byron Camilleri – li issa għandu iswed fuq l-abjad, għal darba oħra, rapport li juri kif din ir-riforma mhijiex prijorità.