Lokali

Il-Kummissarju għall-Istandards jikkonkludi li m’hemmx bażi biex l-ilment tal-Ministru Attard dwar żewġ Deputati tal-PN fuq il-libell kriminali jkompli jiġi investigat

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għadu kif ikkonkluda li “m’hemmx bażi” biex l-ilment li għamel il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard dwar id-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Claudette Buttigieg ikompli jiġi investigat.

Fl-ilment tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard akkuża liż-żewġ Deputati tal-PN li gidbu meta stqarrew li l-Gvern Laburista jrid jerġa’ jdaħħal il-libell kriminali f’pajjiżna.

Minkejja li mar jilmenta mal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Ministru Jonathan Attard għadu sal-lum ma ddikjarax pubblikament li l-Gvern li hu jifforma parti minnu m’għandu l-ebda pjan jew intenzjoni li jintroduċi mill-ġdid il-libell kriminali jew leġiżlazzjoni simili fil-liġijiet ta’ pajjiżna.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru Attard biex ineħħi l-inċertezza li daħħlu hu u kollegi tiegħu fil-Gvern u fil-Partit Laburista u jagħmel stqarrija kategorika f’dan is-sens.

Jekk issir tali stqarrija, il-Partit Nazzjonalista se jkun minn tal-ewwel li jesprimi qbil magħha, għax il-PN ma jridx li f’pajjiżna jerġa’ jiddaħħlu l-libell kriminali jew xi liġi simili li tillimita d-dritt tal-espressjoni ħielsa li jgawdu minna ċ-ċittadini tagħna.