Internazzjonali

Ir-Russja: Jinqatel il-Ġeneral li kien qed imexxi l-programm għall-armi kimiċi tal-Kremlin

Ir-Russja qed takkuża lill-Ukrajna dwar ‘l-assassinar premeditat’ ta’ Ġeneral Russu – viċin ħafna tal-President Vladimir Putin — li jingħad kien qed imexxi l-programm għall-armamenti kimiċi tal-Kremlin…Armamenti li huma projbiti u kundannati mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u meta Moska baqgħet tiċħad li ‘tinsab fil-pussess ta’ materjal kimiku għal skopijiet ta’ gwerra’.

Il-Ġeneral Igor Kirillov tilef ħajtu meta kien quddiem l-entratura ta’ kumpless residenzjali f’Moska. Hu inqatel wara li xi ħadd kien ħeba tagħmir splussiv fi scooter tal-elettriku u bl-isplużjoni sseħħ fil-ħin eżatt meta l-Ġeneral kien fil-viċinanzi.

Ma jidhirx, intant, li l-isplużjoni ħalliet xi vittmi oħrajn, bl-attakk jidher bħala wieħed ‘speċifiku u premeditat’ wara li l-Ukrajna, proprju nhar it-Tnejn, ikkundannat lil Kirillov dwar l-użu tal-armi kimiċi kontra s-suldati u ċ-ċivili Ukreni waqt il-gwerra mar-Russja li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.

Dan ukoll meta l-Ġeneral, li kellu influwenza kbira f’Moska, kien diġà issanzjonat dwar dawn l-armi min-naħa tal-Istati Uniti u r-Renju Unit.

Akkuża prinċipali kontra Kirillov – li l-Ukreni qegħdin isejħulu ‘kriminal tal-gwerra’ – tirrigwarda l-użu tal-gass Chloropicrin kontra s-suldati Ukreni fuq il-fronti tal-battalja fl-Ukrajna. Dan il-gass kien intuża b’mod effettiv ħafna waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija – jew kif inhi magħrufa ‘il-Gwerra l-Kbira’ li faqqgħet fl-1914 u kompliet sal-1918.

Sadanittant, jidher ukoll li l-bomba li qatlet lil Kirillov kienet operata b’sistema ta’ remote control u l-qtil – minbarra li ħasad lill-ġerarkija fil-Kremlin – serva wkoll bħala messaġġ li l-impatt tal-konflitt fl-Ukrajna qed jinħass dejjem aktar fil-qalba tal-kapitali Russa.

Fil-fatt, l-osservaturi u l-analisti fil-Punent jaqblu li l-qtil ta’ Kirillov ma kienx każ iżolat ta’ assassinju….Dan fost is-sinjali li s-servizzi tas-sigurtà Ukreni qed imexxu kampanja qattiela kontinwa kontra l-uffiċjali ewlenin b’rabta speċifika mal-Magna tal-Gwerra tal-President Putin.