Internazzjonali

Iżrael-Gaza: Jiżdied l-ottimiżmu dwar waqfien mill-ġlied potenzjali

Feġġew is-sinjali ġodda li Iżrael u l-grupp terroristiku Palestinjan Hamas waslu eqreb minn qatt qabel lejn ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza….Ftehim li jesiġi wkoll għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani wara xhur ta’ staġnar fin-negozjati.

Fil-fatt, numru ta’ uffiċjali Palestinjani li huma nvoluti fin-negozjati indiretti żvelaw li t-taħditiet bejn Iżrael u l-Ħamas issa daħlu fil-fażi finali u deċiżiva. Fl-istess ħin, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Israel Katz, ukoll qal li pajjiżu jinsab viċin patt mal-Ħamas – u mingħajr ma żvela aktar dettalji.

Fl-aħħar ġimgħat, l-Istati Uniti, il-Qatar u l-Eġittu rrankaw l-isforzi għall-medjazzjoni fost l-eqqel tal-konflitt ta’ Gaza.

Jidher ukoll li żdiedet ‘ir-rieda’ min-naħa ta’ Iżrael u daqstant ieħor il-Ħamas  biex huma jaslu għal ftehim li jikkonkludi 14-il xahar ta’ gwerra…Konflitt li ilu mis-7 ta’ Ottubru tal-2023  meta t-terroristi tal-Ħamas qasmu minn Gaza lejn Iżrael fejn immassakraw mal-1,200 persuna fl-aktar jum iswed għall-poplu Iżraeljan.

L-aħħar rapporti referew għal delegazzjoni ta’ rappreżentanti Iżraeljani f’Doha, il-kapitali tal-Qatar u li l-preżenza tagħhom kienet qed tidher relatata mal-isforzi diplomatiċi intensivi li għaddejjin bħalissa fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.