Sport

Jirbħu t-tellieqa Eurosport BSJ Fleur-de-Lys 10k 2024

Andrew Grech u Jemima Farley jirbħu t-tellieqa tat-10km u Tommy Wallbank u Mona Lisa Camilleri jirbħu l-5km

Birkirkara St. Joseph Sports Club għalaq il-kalendarju tal-avvenimenti multisport għal sena 2024 nhar Jum ir-Repubblika bit-tellieqa annwali Europort BSJ Fleur-de-Lys. It-Tlielaq saru b’sostenn għall-YMCA u fil-memorja ta’ Jake Vella, atleta maħbub li sfortunatament miet aktar kmieni din is-sena.

It-tlielaq reġgħu wrew il-popolarità tagħhom billi ġibdu għadd kbir ta’ atleti,  li kellhom l-għażla bejn żewġ distanzi – 5km jew 10km fuq rotta madwar il-periferija ta’ Birkirkara u Mrieħel.

Qabel il-bidu ta’ kull tellieqa, Josie Vella, missier Jake, qasam xi kliem mal-atleti fejn irringrazzjahom talli fakkru lil ibnu u għenu biex iżommu t-tifkira tiegħu ħajja.

L-ewwel li bdew kienu l-atleti li ħadu sehem fit-tellieqa ta’ 5km. Tommy Wallbank stabbilixxa l-pass u ritmu mill-bidu nett fejn hu kiseb vantaġġ komdu fuq Andy Camilleri li spiċċa fit-tieni post u Charles Micallef li spiċċa fit-tielet post.

Fil-kategorija tan-Nisa, Mona Lisa Camilleri kisbet postha fuq quddiem fejn rebħet b’distakk ta’ 30 sekonda fuq Isaura Camilleri, li spiċċat it-tieni. Fit-tielet post ġiet Ritianne Zammit.

It-tellieqa ta’ 10km

Fit-tellieqa ta’ 10km, Andrew Grech, Matthew Scicluna, u Matthew Xuereb ħarġu bħala l-favoriti, fejn ikkontestaw lil xulxin mill-qrib matul it-tellieqa. Grech irnexxielu jtemm il-korsa, mifruxa fuq żewġ dawriet b’vantaġġ ta’ 12-il sekonda fuq Scicluna, li ġie fit-tieni post, ftit sekondi biss qabel Xuereb, li spiċċa t-tielet.

Intant, Jemima Farley spiċċat fir-raba’ post overall fit-Tellieqa ta’ 10km, fejn iddominat il-kategorija tan-nisa b’distakk imdaqqas. Catherine Chetcuti spiċċat fit-tieni post b’distakk ta’ sekonda biss fuq Carmen Hili.

Trofej u premjijiet lir-rebbieħa overall u tal-Gruppi tal-Età ġew ippreżentati mis-Sur Brian Cremona, Kap tal-Marketing ta’ Eurosport Malta, u s-Sur Raymond Grech, President tal-Birkirkara St Josepnn Sports Club. Żewġ vouchers ta’ €100 mingħand Eurosport ġew magħżula b’rata fost l-atleti preżenti.

Minbarra dawn il-premjijiet, l-atleti kellhom l-opportunità jipparteċipaw fi draw li fih ġew mogħtija żewġ Garmin Index S2 Smart Scales, korteżija ta’ Medcomms Ltd, aġenti ta’ Garmin f’Malta. Ir-rebbieħa kienu Jonathan Balzan u Maria Vella-Galea.

Birkirkara St Joseph Sports Club għaddej mill-aħħar tħejjijiet sabiex iħabbar il-kalendarju tal-avvenimenti tiegħu għas-sena 2025, li se jinkludi atletika, ċikliżmu, għawm bil-baħar miftuħ, u triathlon.