Fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Darren Carabott, il-Partit Nazzjonalista għamel referenza għal sentenza mogħtija lbieraħ mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), fejn il-Kummissarju tal-Pulizija nstab ħati ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ Spettur tal-Pulizija – meta ġie organizzat b’mod strutturat l-arrest tiegħu abbażi ta’ nofs verità u informazzjoni qarrieqa, fi żmien meta kien se jingħata promozzjoni għal grad ta’ Supretendent.
Wara snin ta’ battalji legali, il-Qorti kkonfermat kemm saret inġustizzja mal-Ispettur Elton Taliana – u kemm saru persekuzzjonijiet fil-konfront tiegħu mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.
Il-Qorti saħansitra għamlet tagħha kliem l-Ombudsman, li sab li r-rifjut tal-Kummissarju tal-Pulizija li jagħti l-promozzjoni kienet inġustizzja u li l-Ispettur ma għamel xejn ħażin biex jimmerita dan it-trattament ħażin – tant li kkonkluda li t-tmexxija tal-Korp ħarġet tiġri biex tikkastiga lill-Ispettur.
Il-Qorti tant qablet ma’ dak li sab l-Ombudsman li kkwotat dan u qalet li sabet l-istess aġir meta l-Kummissarju tal-Pulizija għaġġel biex joħroġ Mandat ta’ Arrest kontra l-Ispettur fiż-żmien meta dan kien qed jistenna promozzjoni għal Supretendent – bil-ħsieb li tkun ostakolata l-progressjoni tal-karriera fil-Korp tal-istess Spettur.
Dan hu każ ieħor ċar ta’ abbuż ta’ poter – u l-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-azzjonijiet tal-Kummissarju tal-Pulizija li għamel minn kollox biex iwaħħel lil dan l-Ispettur milli jimxi ’l quddiem fil-karriera tiegħu.
Il-fatt li l-Qorti sabet li t-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija għaddiet informazzjoni qarrieqa u strutturata lill-Maġistrat biex tkisser uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija hija turija ċara tal-manuvri li qed isiru fi ħdan il-Korp. Dan hu biss wieħed minn sensiela ta’ każi fejn il-persuni involuti ħadu azzjoni, u oħrajn li qegħdin ibatu fil-kwiet.
Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara li se jibqa’ jkun il-vuċi tal-uffiċjali ġenwini li jridu jagħmlu xogħolhom bla biża’ u mingħajr favuri.
Il-Partit Nazzjonalista jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li hu ironiku li l-Qorti sabet “għaġla” fl-aġir tal-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu azzjoni biex ikisser uffiċjal tal-Pulizija, iżda ilu s-snin jaħsibha x’passi għandu jieħu fuq każijiet kbar, ċari u ovvji.
Din is-sentenza tmur id f’id ma’ sentenza oħra tal-Qorti mogħtija f’Ottubru li għadda fejn il-Qorti kkonfermat li taħt il-Gvern Laburista kien hemm lista ta’ nies magħżula biex javvanzaw fil-Korp tal-Pulizija.
Il-pożizzjoni tal-PN dwar il-kariga tal-Kummissarju tal-Pulizija tibqa’ ma tinbidilx, anzi ġiet imsaħħa aktar b’sentenza bħal din.
//= $special ?>