Lokali

“Kwistjonijiet serji” qed itellfu milli pajjiżna jgawdi minn governanza tajba

L-Awditur Ġenerali mill-ġdid ikkundanna “kwistjonijiet serji” li qed joħonqu t-tmexxija ta’ pajjiżna b’riżultat li qed ixxekkel il-governanza t-tajba f’pajjiżna.

Ir-rapport b’din il-kundanna ġie ppubblikat it-Tnejn fejn dan iffoka partikolarment fuq żewġ kunsilli lokali fejn qies li l-governanza falliet bil-kbir.

L-ewwel fil-lista hemm il-kunsill lokali tal-Qala fejn l-Awditur Ġenerali nnota kif kien hemm infiq esaġerat fuq attivitajiet lokali u anke safar barra minn pajjiżna. Instabu wkoll nuqqasijiet fl-akkwist ta’ prodotti u servizzi, bil-kunsill ħafna drabi jirrikorri għal direct orders.

Issemma’ wkoll il-kunsill lokali tas-Swieqi fejn dan issemma’ minħabba l-fatt li naqsu milli jikkomunikaw mal-Awditur Ġenerali dwar xi kwistjonijiet li żviluppaw meta kien qed isir l-audit.

Bl-Awditur jgħid li minkejja li kemm-il darba sar komunikat mal-kunsilli lokali kollha, mal-11-il kunsill lokali naqsu milli jippreżentaw ir-rapport finanzjarju tal-infiq tagħhom fil-lokalitajiet rispettivi. Dawn huma l-Birgu, il-Fgura, il-Furjana, l-Għasri, il-Ħamrun, San Ġiljan, San Ġwann, Ta’ Xbiex, il-Belt Valletta, ix-Xagħra u x-Xewkija.

Dan id-dewmien ġie nnotat b’mod speċjali minħabba li l-audit tas-sena l-oħra dam ma ġie konkluż, jew saħansitra lanqas biss sar, u b’hekk waqa’ kollox lura. B’uħud ilhom ma jikkonkludu l-audits tagħhom għal dawn l-aħħar sentejn jew tlieta.

U dan qed iwassal għal nuqqas ta’ responsabbiltà sabiex wieħed ikun jaf fejn il-lokalitajiet tiegħu jinsabu finanzjarjament.