Lokali

“L-Awditur Ġenerali b’konferma kemm fil-Ħabs ta’ Kordin ma sarux ir-riformi li hemm bżonn” – PN

Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika juri li minn 17-il rakkomandazzjoni, fi tliet snin twettqu biss tlieta. Konferma li l-Gvern Laburista ma jridx riforma bis-serjetà fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Falliment ieħor għall-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol hekk kif l-Awditur Ġenerali jikkonferma li hemm bżonn aktar sforz u ħeġġa biex issir il-bidla neċessarja fil-Ħabs ta’ Kordin.

Kien dan li ntqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott bil-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għar-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ippubblikat riċentement, bit-titlu Follow-Up Audits Report 2024 – Volume II, b’mod partikolari għat-taqsima A Strategic Overview on the Correctional Services Agency’s Operations at the Corradino Correctional Facility – li jsegwi performance audit ieħor li kien ġie ppubblikat f’Diċembru 2021.

L-għan ta’ dan ir-rapport ġdid hu biex jaraw jekk ir-rakkomandazzjonijiet li tressqu fl-2021 ġewx implimentati fi ħdan it-tmexxija tal-Ħabs f’dawn is-snin – proprjament sal-aħħar ta’ Settembru 2024.

Fil-qosor, wara tliet snin, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali wasal għal dawn il-konklużjonijiet:

  • Ftit li xejn sar progress dwar ir-rakkomandazzjoni għal żamma ta’ ordni, u ndafa fil-Ħabs
  • Parzjalment ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet biex jiġu rinnovati zoni fil-Ħabs ta’ Kordin, tant li l-ebda ċella ma ġiet rinnovata fi stat li suppost kienet fil-mira tal-faċilità
  • Ftit li xejn sar progress dwar ir-rakkomandazzjoni għall-estensjoni tal-Ħabs wara li waqaf il-proġett fl-istadju tal-iskavar minħabba li l-proġett qabeż l-allokazzjoni tal-budget
  • Parzjalment ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet dwar studju fuq il-bżonn tal-ammont ta’ uffiċjali fi ħdan il-Ħabs – turija ċara li l-uffiċjali u ħaddiema preżenti qed jaħdmu żżejjed minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani
  • Ma ġewx implimentati r-rakkomandazzjonijiet dwar performance assessments dwar l-uffiċjali, u l-ħarsien tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tagħhom
  • Ma ġewx implimentati r-rakkomandazzjonijiet dwar taħriġ għall-uffiċjali kollha
  • Ftit li xejn sar progress dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ ingaġġ ta’ professjonisti fil-Care, Re-integration and Education Unit, kif ukoll li tali żieda ssir abbażi ta’ studju
  • Ftit li xejn sar progress dwar ir-rakkomandazzjonijiet għall-bidla leġiżlattiva biex tgħolli l-funzjoni ta’ rijabilitazzjoni tal-Ħabs ta’ Kordin
  • Ma ġewx implimentati r-rakkomandazzjonijiet dwar opportunitajiet edukattivi għall-priġunieri
  • Ftit li xejn sar progress dwar proviżjoni ta’ placements tax-xogħol għall-priġunieri
  • Parzjalment ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet dwar abbozzar ta’ policies u proċeduri
  • Ma ġewx implimentati b’mod sħiħ id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ Offenders Management System

Fi tliet snin l-unika rakkomandazzjoni li twettqet kienet dik li jsir care plan għal kull priġunier fil-Ħabs ta’ Kordin, internal work placements jingħataw permezz ta’ framework sistematiku, li l-uffiċjali jiġu mħarrġa fil-qasam tar-rijabilitazzjoni u l-kura.

L-istess rapport tal-Awditur Ġenerali jgħid li minn 17-il rakkomandazzjoni fl-2021, tlieta biss ġew implimentati b’mod sħiħ – u fil-konklużjoni tiegħu jistqarr li hemm bżonn aktar ħeġġa u sforz fil-Ħabs ta’ Kordin.

Dan hu ċertifikat ieħor ċar ta’ falliment għall-Ministru għall-lntern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri – li issa għandu iswed fuq l-abjad, għal darba oħra, rapport li juri għalih ir-riforma fis-sistema tal-Ħabs u r-riforma tal-persuna mhijiex prijorità.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li jekk is-sistema tal-Ħabs tfalli u r-riforma tal-persuna tfalli, il-kriminalità tgħolli rasha u tieħu vantaġġ – u dan iwassal għal konsegwenzi serji fuq in-nies u s-soċjetà kollha.