“L-Istrina hija l-poplu kollu.”
Hekk stqarret il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono meta t-Tnejn kienet il-mistiedna ta’ Stephanie Chircop fuq Net Television… fejn tkellmet dwar suġġetti varji – mill-Istrina għall-esperjenza personali tagħha bħala President matul din is-sena.
Il-President semmiet fost l-oħrajn ir-rwol tal-mara fis-soċjetà u kif inbidel dan l-istess rwol matul is-snin. Hi fakkret li kienet l-ewwel Speaker mara tal-Parlament Malti.
Tul din l-intervista, Myriam Spiteri Debono sostniet li l-President għandu d-dover li jara li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tiġi mħarsa, filwaqt li fejn ikun hemm bżonn li titkellem hi tiżen u tgħid dak li hu sewwa.
Mistiedna mal-President kien hemm Claire Micallef Pulè li tieħu ħsieb il-Malta Community Chest Fund.
Hi tkellmet fuq l-għajnuniet importanti li l-Istrina tagħti lil dawk l-iktar vulnerabbli u kif matul is-snin il-Community Chest Fund qassmet miljuni ta’ ewro lil dawk kollha li għaddew minn problemi kbar ta’ saħħa.
Minn naħa tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono appellat sabiex dawk kollha li jistgħu jagħtu d-donazzjoni tagħhom fil-maratona li ssir l-għada tal-Milied… għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-Community Chest Fund u l-Istrina mhuma xejn mingħajr il-ġenerożità tal-poplu kollu.
L-Istrina se terġa’ titwassal fis-26 ta’ Dicembru, b’xandira fuq l-istazzjonijiet lokali fosthom Net Television.
//= $special ?>