Lokali

Letturi, ħaddiema u studenti tal-MCAST jipprotestaw quddiem il-Ministeru tal-Edukazzjoni

Il-letturi, ħaddiema u studenti tal-MCAST ingħaqdu flimkien quddiem il-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jipprotestaw għall-fatt li l-Ministru Clifton Grima għadu ma wasalx biex jippreżenta ftehim ġdid għal-lecturers u l-istaff tal-MCAST. Dan minkejja li l-ftehim kollettiv ilu li skada tliet snin.

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici, spjega li kull tama għal ftehim ġdid sfaxxa fix-xejn wara li kull proposta – kemm dawk preżentati riċentament u anke dawk li jistgħu jiġu preżentati ‘l quddiem – se jkunu qed jiġu rifjutati. Huwa qal li dan id-dewmien spiċċa jżeblah lill-ħaddiema kollha tal-MCAST. U magħhom qed jispiċċaw ibatu l-istudenti tal-istess istituzzjoni.

Minkejja li l-ħaddiema kollha, inkluż il-letturi, qed jagħmlu ħilithom sabiex fost l-oħrajn jgħallmu, jassessjaw, jgħinu l-istudenti fit-tagħlim, jagħtu gwida dwar il-karrieri, jaraw li s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti jkunu mħarsa, imorru mal-istudenti fil-postijiet tax-xogħol, u jagħmlu r-riċerka dwar it-tagħlim… il-Gvern qed jibqa’ jagħżel li ma jħallashomx kif inhu xieraq; apparti n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet li jesperjenzaw ta’ kuljum.

B’wieħed mil-letturi, Christopher Armani, jisħaq li dan in-nuqqas qed jaffettwahom bi kbir.

Tkellimna wkoll ma’ lettur ieħor, Ted Darmanin, fejn qalilna kif kollox qed jispiċċa jaqa’ fuq l-istudenti li tant jirsistu sabiex jaslu biex jiggradwaw.

Fakkru kif il-professjoni ta’ letturi fl-MCAST hi waħda importanti ferm u jekk wieħed ikasbar din il-professjoni jkun qed ikasbar lil uliedna u lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Bl-istudenti preżenti jappellaw sabiex din il-kwistjoni tingħata widen illum qabel għada, kif jispjegalna Ayrton Cassar.

Ta’ min wieħed ifakkar kif f’dawn l-aħħar tliet snin kien hemm ħames mexxejja tan-negozjati għal dan il-ftehim; iżda kull persuna għażlet li tagħtihom daharha. B’dawk preżenti jgħidu li dan il-Gvern ma jiteressahx mill-kwalità tat-tagħlim għal mijiet ta’ studenti.

Marco Bonnici għalaq billi wassal appell b’saħħtu lil  Clifton Grima: “Ministru, ir-responsabbiltà tal-MCAST hija tiegħek.”

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo