Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Toni Abela ċaħdet talba ta’ raġel Albaniż ta’ 38 sena biex jinħeles mill-ħabs f’Malta b’rabta ma’ akkużi li qatel żewġ persuni fil-Greċja. Ledjon Brakain (fin-nofs tar-ritratt) kien ġie arrestat f’Awwissu tal-2022 permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew marbut ma’ qtil doppju fl-2015. L-akkużat baqa’ jiġġieled il-każ f’Malta billi qal li ma kellux smigħ xieraq.
Ir-raġel qed jiġi akkużat li qatel żewġ persuni (fil-ġenb tar-ritratt) billi ħaraqhom ħajjin u seraq €780,000. Minkejja li d-difiża xeħtet dubji dwar jekk Brakaj huwiex l-istess persuna li qed tiġi mfittxija mill-Pulizija, il-Qorti eventwalment ordnat l-estradizzjoni tiegħu lejn il-Greċja xahar wara.
Brakaj kien appella l-estradizzjoni tiegħu u sostna li l-ħabsijiet Griegi ma kinux siguri u ma setgħux jassiguraw il-protezzjoni tiegħu. Hu kien semma li ċ-ċelel ta’ dawn il-ħabsijiet huma ffullati wisq u l-gwardjani jabbużaw mill-awtorità tagħhom.
Iżda l-Qorti ma kinitx laqgħet din it-talba. F’rikors ieħor li ressaq Brakaj, hu sostna li d-drittijiet tal-bniedem tiegħu kienu se jinkisru jekk jiġi estradit lejn il-Greċja u li minkejja li Malta hija parti mill-Unjoni Ewropea u għandha d-dover li tikkopera ma’ Stati Membri oħra, “il-fiduċja bejn il-pajjiżi ma tfissirx li għandhom ikollhom fiduċja għamja”.
Hu sostna li, quddiem il-Qorti Maltija, ma ngħatax smigħ xieraq. Meta l-Qorti Maltija talbet lill-awtoritajiet Griegi biex jagħtu garanzija li Brakaj se jkun protett, l-awtoritajiet wieġbu f’Lulju li għadda u tennew li Brakaj mhux se jkun soġġett għal trattament inuman fil-ħabs ta’ Korydallos.
Il-Qorti Ċivili kkwotat fid-deċiżjoni tagħha parti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li tgħid li l-ebda persuna m’għandha tiġi estradita lejn pajjiż jekk ikun hemm riskju serju li tkun soġġetta għal piena ta’ mewt, tortura jew kwalunkwe trattament inuman.
Hi fakkret li Brakaj qed jaffaċċja akkużi mill-aktar serji fil-Greċja u li għandha bżonn evidenza konkreta li l-ħabsijiet Griegi mhux se jassiguraw il-protezzjoni tal-akkużat. Filwaqt li għamlitha ċara li ħadd m’għandu jinħaqar f’ħabs, “lanqas ma jista’ jkun li wieħed jinsisti li jkun trattat daqslikieku kien f’lukanda”.
Il-Qorti Ċivili qalet li għandha s-serħan tal-moħħ li l-awtoritajiet Griegi mhux se jaħqru lil Brakaj u li m’hemmx dubji dwar l-identità tiegħu. Hi ċaħdet it-talba ta’ Brakaj u ordnatu jħallas l-ispejjeż tal-kawża. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat.
//= $special ?>