Internazzjonali

Studenta li tattendi skola Kristjana fl-Amerika toqtol żewġ persuni

Studenta ta’ 15-il sena wettqet sparatura fi skola Kristjana f’Wisconsin, fl-Istati Uniti, fejn għalliem u student spiċċaw maqtula.

L-isparatura seħħet f’sala li fiha kien hemm studenti ta’ etajiet varji.

L-aggressur, Natalie Rupnow, kienet studenta li tattendi f’din l-istess skola. Hi nstabet mejta fil-post, b’arma tan-nar f’idha.

Il-Pulizija għadhom m’identifikawx il-motiv wara dan il-każ.

Aktar kmieni din is-sena l-iskola għamlet stħarriġ f’każ li jkun hemm sparatura. Dan wassal biex l-għalliema stess ħadu l-azzjoni li kien hemm bżonn f’dawn iċ-ċirkustanzi.

L-iskola tinsab magħluqa sakemm il-Pulizija tkompli bl-investigazzjoni meħtieġa.

Il-President Biden fi stqarrija qal kif l-istudenti għandhom ikunu qed jitgħallmu kif jaqraw u jiktbu u mhux kif jipproteġu rwieħhom. Huwa kompla billi ordna b’mod immedjat sabiex tittieħed azzjoni li tipprevjeni inċidenti bħal dawn milli jiġru.

Matul din is-sena kien hemm aktar minn 300 sparatura fi skejjel madwar l-Istati Uniti.