Lokali

Abela ħa “pass perikoluż” immens frott id-disperazzjoni

Il-pass li jrid jieħu Robert Abela dwar l-Inkjesti huwa wieħed perikoluż immens – frott id-disperazzjoni li jinsab fiha. U jekk il-Prim Ministru m’għandu xejn x’jaħbi m’għandux għalfejn jibża’ minn Inkjesta Maġisterjali.

Dan intqal fl-Editorjal tal-gazzetta MaltaToday hekk kif ġie spjegat li r-reazzjoni ta’ Abela għall-aħbar li l-Avukat Jason Azzopardi talab inkjesta maġisterjali wara l-allegazzjonijiet b’rabta mal-iskandlu tal-irmiġġi f’Għawdex…hija ta’ inkwiet kbir.

L-editur sostna li l-unika konklużjoni loġika għal li qal Abela hi li jixtieq jillimita l-abbiltà taċ-ċittadini milli jitolbu l-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali.

Intqal illi l-lingwaġġ ta’ Robert Abela kien intiż b’mod ċar biex jidher li għandu awtorità fil-Partit Laburista, awtorità li qalb l-istrutturi tal-partit qiegħed jitlef.

L-editur sostna li l-Mexxej Laburista ried juri li għandu l-hekk imsejħa ‘boċċi’ biex jissielet lill-Partit Nazzjonalista iżda biex jittanta jikkonvinċi kemm hu tough mal-Laburisti….bagħat messaġġ ta’ paniku qalb il-bqija tal-elettorat. B’hekk, Abela qed jidher li qed jitlef il-kontroll totali minn fuq il-Partit tiegħu u kompla jikkonferma x’qed jintqal minn sorsi miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, li Abela għamel wisq U-Turns, u l-Ministri mhux jafdawh.

Sentiment li kull ġurnalist li għandu sorsi qrib il-Mile-End jew Kastilja kollha qed jirċievu l-istess informazzjoni – it-turbolenza interna qed tnaqqar sew mill-awtorità tal-Prim Ministru li qed iħossu mdawwar minn dawk li ma jriduhx jibqa’ jmexxihom.

B’diskors bħal ma qal il-Ħadd, l-editur sostna li Abela qed jhedded lid-demokrazija ta’ pajjiżna – hekk kif filwaqt li s-sistema jaf għandha l-imperfezzjonijiet tagħha…inkjesta qiegħda hemm biex tippriserva l-evidenza u mhux biex tiddetermina persuna hiex ħatja jew le.

Li ċittadin jitlob għal inkjesta maġisterjali huwa dritt; dritt li kulħadd qed jasal għal konklużjoni li Robert Abela irid ineħħi…u b’hekk jimmina d-demokrazija f’pajjiżna.