“Hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata fl-akwata taċ-Ċimiterju ta’ Ħal Lija għaliex din iz-zona ma tiflaħx aktar inċidenti; apparti l-periklu li hemm sabiex wieħed jaċċessa dan iċ-ċimiterju.”
Dan kien l-appell li wassal is-Sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli wara li t-Tlieta filgħaxija kien hemm inċident ieħor quddiem iċ-Ċimiterju ta’ Ħal Lija – is-sitt wieħed f’dawn l-aħħar sentejn.
F’kummenti ma’ Net News is-Sindku qal li minkejja li ċ-ċimiterju mhux responsabbiltà tagħhom, il-Kunsill Lokali ilu għal diversi snin jappella sabiex jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji għas-sigurtà tar-residenti qabel ma jkun hemm xi fatalità.
Apparti minn hekk, qal ukoll li kien hemm diversi okkażjonijiet fejn il-Kunsill bagħat ittri lill-awtoritajiet bl-aħħar waħda ntbagħtet f’Lulju li għadda. Hawnhekk huwa spejga li saret laqgħa ma’ rappreżentant mill-Ministeru tat-Trasport iżda għadha ma tittieħdet l-ebda azzjoni – għajr għall-perit li żar iż-żona, u bl-awtoritajiet jitolbu għal aktar informazzjoni.
Is-Sindku ta’ Ħal Lija qal li mhux l-ewwel darba li kaġun ta’ inċident waqgħet id-daħla taċ-ċimiterju bil-konsegwenza li kellha terġa’ tinbena mill-ġdid. U wera tħassib kbir għall-fatt li jekk ma tittieħdx azzjoni immedjata kapaċi jkun hemm fatalità.
Minn naħa tiegħu, Joseph Mangion – li jieħi ħsieb iċ-ċimiterju – saħaq fuq l-importanza li jiġi ssalvagwardjat iċ-ċimiterju li huwa parti mill-istorja ta’ pajjiżna kif ukoll li tittieħed azzjoni effettiva.
Intant, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija se jkompli jagħmel il-pressjoni fuq l-awtoritajiet bil-għan li dan iċ-ċimiterju jkun sigur u aċċessibbli għar-residenti u għal dawk kollha li għandhom l-qraba tagħhom hemmhekk.
//= $special ?>