Sport

BOV Basketball plejers tax-xahar – Novembru 2024

Il-plejer barrani ta’ Athleta, Kurt James, huwa l-BOV Basketball Plejer tax-Xahar tal-Ewwel Diviżjoni għal Novembru 2024. Janai Crooms ta’ Depiro rebħet l-unur għall-kompetizzjonijiet tan-Nisa filwaqt li Kai Fabri ta’ Starlites kiseb l-unur individwali għall-BOV Amateur League.

L-Amerikan ta’ 6’5 Kurt James, li ngħaqad ma’ Athleta mingħand Starlites fil-bidu tal-istaġun, huwa plejer versatili li jista’ jilgħab fil-pożizzjonijiet kollha. James kiseb l-ogħla numru ta’ punti fil-Kampjonat BOV Basketball tal-Ewwel Diviżjoni matul Novembru b’169 punt f’sitt logħbiet (28.17ppg). B’medja ta’ 35 minuta fil-court f’kull logħba matul Novembru, James jinsab ukoll fuq nett tal-lista tal-aqwa rebounders tal-istaġun b’14.40-il rebound kull logħba flimkien ma’ 2.6 steals fejn sofra wkoll medja ta’ 6.17 fouls kull logħba.

Il-plejer Rwandana/Amerikana Janai Crooms ta’ 25 sena rebħet l-unur għad-diviżjoni tan-Nisa. L-internazzjonali Rwandana kellha medja ta’ 19.5 punt kull logħba matul Novembru fejn ġabet xejn inqas minn 55 rebound f’erba’ ħarġiet akkumpanjati minn 11-il assist u 11-il steal matul ix-xahar.

Ix-shooting guard ta’ 16-il sena ta’ Starlites, Kai Fabri, rebaħ l-unur individwali għall-BOV Amateur League. B’65 punt f’erba’ logħbiet (16.25ppg), li kienu jinkludu disa’ treys, Fabri kien ukoll l-iktar plejer li għamel ħin fil-court fid-diviżjoni tiegħu b’medja ta’ 33.16 minuta kull logħba.

Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta, ippreżenta lir-rebbieħa trofew magħmul apposta fil-Padiljun tal-Basketball ta’ Ta’ Qali.

Il-promozzjoni tal-eċċellenza fl-isports b’mod etiku u responsabbli tifforma parti mill-impenn tal-Bank of Valletta u l-Malta Basketball Association lejn il-valuri tal-komunità u r-responsabbiltà soċjali.