Sport Sport Ieħor

Calypso tirbaħ il-Medcomms Round Malta

L-aħħar tellieqa kompetittiva tal-istaġun 2024 tar-Royal Malta Yacht Club, il-Medcomms Round Malta, kienet deskritta bħala tellieqa eċċitanti. Din it-tellieqa, li ssir kull sena fil-Jum tar-Repubblika, offriet taħlita ta’ kundizzjonijiet fosthom riħ u mbatt qawwi li offrew azzjoni mimlija adrenalina għall-parteċipanti kollha.

Minħabba li l-flotta kienet imdaqqsa, ir-Race Officer Martin Azzopardi, qasam il-kompetituri f’żewġ gruppi. L-ewwel grupp kien jinkludi jottijiet tal-Klassi IRC Racers, filwaqt li t-tieni grupp kien jinkludi IRC Cruisers u jottijiet tal-RMYC.

It-tellieqa segwiet korsa li bdiet b’direzzjoni  lejn in-nofsinhar ta’ Malta. Iż-żewġ klassijiet kellhom intervall ta’ ħames minuti bejn kull bidu. Matul it-tellieqal-flotta ltaqgħet ma’ mewġ kbir u riħ qawwi mil-lbiċ, li ħoloq kundizzjonijiet eċċitanti, partikolarment mal-kosta tal-punent, fejn xi dgħajjes laħqu veloċitajiet ta’ 24 mil nawtiku fis-siegħa.

Bidu tajjeb mill-jott Miame Too ta’ Ralph Landwehr li kienet l-ewwel li daret mal-Fairway Buoy. Madankollu, l-Elusive 2, tal-aħwa Aaron, Christoph u Maya Podesta, malajr naqqset id-distakk u reġgħet ħadet il-vantaġġ meta qabżet lil Miame Too ħdejn Bengħajsa. Hekk kif kompliet it-tellieqa, Miame Too ġiet maqbuża minn Jubatus ta’ Sean Borg u Calypso ta’ Seb Ripard.

“Kienet tellieqa eċċitanti f’kundizzjonijiet sbieħ b’tim tassew tajjeb. Kuntenti ħafna bir-riżultat mhux biss ta’ din it-tellieqa imma tal-istaġun kollu,” qal Carlo Landwehr ta’ Miame Too.

L-ewwel jott li spiċċat it-tellieqa kienet Elusive 2, segwita minn Jubatus u Calypso.

Wara l-korrezzjoni tal-ħin, Calypso ħarġet rebbieħa overall f’tellieqa li l-ekwipaġġ ta’ Calypso ddeskrivew b’mod xieraq bħala tellieqa “imxarrba u mqallba”.

“Ħadna gost immens mal-kosta tal-punent, intellqu f’mewġ kbir, li spiċċajna kollha mxarrbin sew u fejn ilħaqna veloċitàjiet ta’ 24 mil nawtiku fis-siegħa. Kienet rollercoaster tajba! Din kienet tellieqa oħra super kompetittiva, iżda li ħadna ħafna gost,” ikkummenta l-iskipper ta’ Calypso, Sebastian Ripard.

Klassi tal-Cruising

Mario Debono, skipper ta’ Janissah u Rear Commodore tar-Royal Malta Yacht Club, wera li d-determinazzjoni u r-reżiljenza jagħtu l-frott, billi kiseb ir-rebħa fil-Klassi IRC Cruiser.

“Il-kundizzjonijiet tat-temp kienu tassew kif mistenni, b’mewġ kbir u riħ ġieli jilħaq sa 30 mil nawtiku fis-siegħa.  Kienet tellieqa tassew eċċitanti, u kburi ħafna bl-ekwipaġġ ta’ Janissah li laqa l-isfida,” qal Debono.

Fil-Klassi RMYC Cruising, Windigo ta’ Philip Apap Bologna kienet l-ewwel jott li spiċċat it-tellieqa kif ukoll rebħet il-Klassi overall. Din kienet waħda mill-akbar flotot RMYC Cruisers għal din it-tip ta’ tellieqa.

“Il-Medcomms Round Malta kienet konklużjoni perfetta għall-istaġun tat-tlielaq tal-RMYC. Issa qed inħarsu ‘l quddiem biex nippreparaw għall-kalendarju tat-tlielaq tal-2025, li jipprometti sena oħra eċċitanti ta’ tlielaq diversi u ta’ sfida għall-ekwipaġġi tagħna,” qal Adrian Gauci Borda, Rear Commodore (Sailing) tal-RMYC.

Riżultati tal-Medcomms Round Malta

Overall & IRC Klassi 1 – Calypso (Sebastian Ripard)
IRC Klassi 2 – Juniper (Brian Flahive)
IRC Cruisers – Janissah (Mario Debono)
RMYC Cruisers – Windigo (Philip Apap Bologna)

Ir-RMYC esprima l-gratitudni tiegħu lil Medcomms għall-appoġġ kontinwu tagħha kif ukoll lir-Race Management Team, immexxi minn Martin Azzopardi.

Filwaqt li l-programm tat-tlielaq kompetittivi issa jinsab uffiċjalment magħluq, ir-RMYC se jorganizza tellieqa ta’ divertiment fil-Boxing Day – is-26 ta’ Diċembru – bid-dħul kollu mogħti lill-kampanja L-Istrina tal-Malta Community Chest Fund Foundation.