Lokali

Għandna bżonn Awtorità tal-Ippjanar li tippjana u tħares il-patrimonju Malti, mhux Awtorità tal-Permessi – PN

Il-Gvern Laburista qed jimbotta “Awtorità tal-Permessi” minflok Awtorità tal-Ippjanar li tħares il-wirt nazzjonali u tippjana għall-futur tal-pajjiż ibbażat fuq viżjoni ċara u trasparenti.

Dan ingħad fi stqarrija konġunta bejn ix-Shadow Ministers Stanley Zammit, Rebekah Borg u Julia Zahra fejn spjegaw li l-Qorti għal darba oħra rrevokat permessi li qatt ma kellhom jinħarġu wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ġebbdet l-interpretazzjoni ta’ policies flessibbli żżejjed.

Dan qed ikompli jiġri għaliex il-Gvern Laburista żarma lil din l-Awtorità mill-kapaċità u l-kompetenza neċessarja biex tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet ta’ kwalità. Il-Gvern qed jibqa’ ċass quddiem deċiżjonijiet ħżiena u ksur tad-deċiżjonijiet tal-Qorti.

Il-Partit Nazzjonalista flimkien mas-soċjetà ċivili kixfu kif l-Awtorità tal-Ippjanar, bħalma rajna fil-każ ta’ Villa Rosa, taġixxi biss fuq struzzjonijiet tal-Kabinett wara li dan ikun ftiehem mal-iżviluppaturi.

Din is-sitwazzjoni hija art fertili għal korruzzjoni, fejn min hu l-aktar b’saħħtu jkompli jħawwel.

Wara li l-Gvern Laburista abdika mir-responsabbiltà tiegħu bħala s-sid ta’ Forti Chambray biex jikkonserva u jirrestawra dan il-ġojjell fil-gzira ta’ Għawdex, l-istess Gvern naqas milli jipproteġi l-barracks ta’ żmien l-Ingliżi permezz ta’ skedar ogħla.

Riżultat ta’ dan, elementi arkitettoniċi ikoniċi ta’ importanza kbira kemm fl-estetika kif ukoll fil-kuntest storiku tagħhom mhux se jibqgħu jitgawdew b’mod sħiħ.

Il-Ministru tal-Ippjanar Clint Camilleri, li kien hu stess li aċċetta bħala konsulenta persuna mingħajr l-ebda kompetenza li tħallset għal xogħol li ma għamlitx, ma jistax inissel fiduċja li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha xi farka ħeġġa li tħares dan il-patrimonju. L-istess jgħodd għas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li wasal iż-żmien li pajjiżna ma jibqax iqis l-iżvilupp bħala attività li trid issir akkost ta’ kull ħsara li tista’ jagħmel.

Bil-wegħdiet fiergħa u n-nuqqas ta’ azzjoni, il-Gvern immexxi minn Robert Abela qed jagħti l-barka tiegħu lill-atroċitajiet fl-iżvilupp u lill-qirda ta’ ġawhar storiċi.

Ħadd ma għadu jemmen il-paroli tal-Prim Ministru Robert Abela.

Robert Abela ilum jgħid ħaġa u għada jagħmel oħra. Eżempju ċar ta’ dan hija l-wegħda li għamel ftit xhur ilu, li permessi li jkunu taħt appell ikunu sospiżi sakemm jinqata’ l-appell.

Is-soluzzjoni għal dawn il-ħniżrijiet hija bidla fit-tmexxija tal-pajjiż.

Għandna bżonn tmexxija li tparla inqas u taġixxi aktar.

M’għandniex bżonn tmexxija li tagħmel bidliet nofs kedda u li jwasslu biss għal sistema burokratika li taġevola lil min hu b’saħħtu u tkisser lid-dgħajjef.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jieqaf lil policies inġusti u li huma biss passatur billi jagħmel l-ambjent dritt fundamentali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. L-ambjent huwa wkoll il-wirt storiku u kulturali tagħna lkoll.

Neħtieġu deċiżjonijiet serji, trasparenti, konsistenti, li jnisslu fiduċja u jagħtu s-serħan tal-moħħ.

Għalhekk, waqt li jkompli l-proċess ta’ djalogu u konsultazzjoni biex ifassal pjan strateġiku olistiku għall-ambjent u l-iżvilupp, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li, sa mill-ewwel ġurnata fit-tmexxija tal-pajjiż, jimplimenta proċess ta’ re-engineering komplet tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex din tkun indipendenti mill-politiċi u mill-ispekulaturi u sabiex tkun awtorità ġusta u soda.

Il-Partit Nazzjonalistsa jniedi r-riforma radikali tant meħtieġa sabiex dak li jagħmilna min aħna jibqa’ magħna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin u ma jkunx vittma tal-iżvilupp mingħajr pjan.