Lokali Qorti

Ġlieda fuq il-boroż is-suwed tal-iskart

Raġel ta’ 47 sena residenti ż-Żejtun ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin u mmultat €500 mill-Maġistrat Monica Vella wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq persuna oħra f’argument dwar il-boroż suwed tal-iskart.

L-inċident seħħ fid-9 ta’ Settembru 2022, għall-ħabta tat-8am, f’Misraħ Karlu Diacono fiż-Żejtun. Brian Bone nstab ħati li kkaġuna ġrieħi ħfief u mbotta lill-vittma. Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta l-vittma għamel rapport mal-Pulizjia fejn qal li ġie aggredit mill-akkużat dwar il-boroż tal-iskart.

Meta l-Pulizija kellmet lil Bone, dan ikkonferma li mbotta ftit lill-vittma imma sostna li dan beda jxejjirlu l-boroż f’wiċċu. Il-vittma qal li jum qabel l-inċident hu u martu raw diversi boroż taż-żibel quddiem ir-residenza tal-akkużat u aktar tard sabuhom quddiem ir-residenza tagħhom.

Huwa sostna li kienet is-sieħba tal-akkużat li kienet tpoġġi l-boroż quddiemhom perjodikament. Il-mara tal-vittma xehdet li l-akkużat xeħet il-borża lejn ras żewġha u din spiċċat infaqgħet. Xehdet is-sieħba tal-akkużat li qalet kif semgħet lis-sieħeb jgħid lill-ġar biex ma jpoġġix żibel wara daru.

Qalet ukoll li s-sieħeb xejjer il-borża biex jiddefendi lilu nnifsu mill-ieħor li xejjer il-borża hu wkoll. L-akkużat għażel li jixhed fejn qal li kien informa kunsillier li l-ġar kien qed iħalli l-boroż tal-iskart quddiem daru.

Sostna li ħa l-boroż viċin tal-proprjetà tal-vittma imma mhux quddiemu. Żied li l-ġar xengel il-borża biex jolqtu u għalhekk għolla idu, imma ċaħad li tah bil-ponn. Wara li semgħet il-provi l-Maġistrat Vella qalet li ma rriżultax li l-akkużat imbotta lill-vittma.

Sabitu ħati wkoll li kkaġunalu ġrieħi ħfief fejn qalet li ġie ppruvat li tah daqqa ta’ ponn fuq wara. Meta ġiet biex tagħti l-piena qalet li dan kien inċident li seta’ jiġi evitat. Hija awgurat li ż-żewġ naħat jitgħallmu jgħixu b’aktar tolleranza.

Sostniet ukoll li l-kunsillier responsabbli mill-indafa kellu jara li jindirizza s-sitwazzjoni biex ma tiggravax kif ġara. “Li sempliċiment tneħħi l-boroż minn quddiem bieb u tpoġġihom quddiem bieb ieħor anke jekk ma’ arblu, żgur li mhix soluzzjoni”, hija qalet waqt li tenniet li l-kunsill qiegħed hemm biex isib soluzzjoni mhux biex jiggrava s-sitwazzjoni.

Minbarra l-libertà kundizzjonata, hija rabtet lil Bone b’obbligazzjoni ta’ €500 għal 6 xhur biex ma jdejjaqx lill-ġar.

Il-każ kien mismugħ f’kawża tad-disrett.