Lokali

“Ikompli t-tberbiq ta’ fondi pubbliċi mill-Ministru Clint Camilleri” – Il-PN

L-Awditur Ġenerali jsib traskuraġni, nuqqas ta’ ppjanar, u nuqqas trasparenza f’infiq li qabeż id-doppju ta’ dak stmat fuq triq waħda f’Għawdex

Il-Partit Nazzjonalista qal li ftit ġimgħat wara li nkixef l-iskandlu tal-konsulenza fantażma ta’ €70,000 li l-Ministru Clint Camilleri ta lill-mara tal-Eks Ministru Clayton Bartolo, kompla jiġi kkonfermat kif dan ma kienx każ ta’ darba imma hija attitudni ripetuta ta’ kif il-Ministru Clint Camilleri jberbaq il-fondi pubbliċi fdati f’idejh.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Alex Borg u Mark Anthony Sammut, tfisser li r-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet tal-Gvern għall-2023 ippubblikat ftit ġranet ilu jikxef kif il-Ministru Clint Camilleri nefaq €18.5 miljun fuq proġett ta’ triq waħda fin-Nadur Għawdex, nefqa ta’ aktar minn €10 miljun iżjed fuq il-budget oriġinali ta’ €8 miljun li kienu stmati biex issir din it-triq. Dan mingħajr ma hemm l-ebda dokumentazzjoni li turi fejn u kif intefqu dawn il-fondi żejda, u mingħajr ma nġabet l-approvazzjoni għan-nefqa mill-Ministeru għall-Finanzi.

Il-konklużjonijiet tal-“Public Accounts 2023 Report” tal-NAO dwar dan il-każ juru mhux biss nuqqas ta’ ppjanar u inkompetenza, imma traskuraġni kbira u nuqqas ta’ trasparenza fil-mod kif il-Ministru Clint Camilleri jberbaq il-fondi pubbliċi.

Anke fil-voti tal-Budget 2025 li għaddew mill-Parlament it-Tnejn li għadda, il-Ministeru għal Għawdex kellu bżonn nefqa supplementari ta’ €13.4 miljun aktar minn dik li kellu approvata mill-Budget ta’ din is-sena. Fost dan l-infiq żejjed jidher li l-Ministeru għal Għawdex ħallas f’allowances €2.6 miljun aktar mill-€1.8 miljun li kellu approvati għal din is-sena, nefqa ta’ iżjed minn 250% aktar fuq dik li kellu approvata.

Dan filwaqt li n-nefqa kapitali tnaqqset b’€5 miljun, meta l-infrastruttura f’Għawdex tinsab f’qagħda diżastruża li tinħtieġ attenzjoni immedjata.

Alex Borg u Mark Anthony Sammut qalu li huwa ċar li l-Ministru Clint Camilleri mhux biss ma kienx għaqli fil-mod kif nefaq il-flus fil-każ tal-konsulenza tal-mara ta’ sieħbu l-Eks Ministru Clayton Bartolo, imma ma jistax jiġi fdat bil-fondi pubbliċi f’ebda każ.

Wara l-każ tal-job fantażma fil-Ministeru tiegħu, issa faqqa’ wkoll skandlu ieħor li wkoll jikkonċerna l-Ministeru ta’ Clint Camilleri – dak tal-allegat tixħim fl-għoti ta’ rmiġġi għas-sajjieda fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex. Minkejja li suppost huma għad-dgħajjes tas-sajd, dawn l-irmiġġi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu, u huma amministrati mill-fergħa li għandha f’Għawdex Transport Malta, li kumbinazzjoni hi mmexxija minn mart l-istess Ministru Camilleri.

Dan l-abbuż u nfiq bl-addoċċ qed isir bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela li qed iħalli lill-Ministru Clint Camilleri f’postu minkejja l-evidenza ċara li dan mhuwiex Ministru li l-poplu jista’ jafda biex jonfoq flusna. 

Huwa ċar li l-Ministru Clint Camilleri mhuwiex fit for purpose, u l-Partit Nazzjonalista jtenni s-sejħa tiegħu biex Camilleri jirriżenja, u jekk il-Ministru għal Għawdex jibqa’ jinsisti li ma jridx iwarrab minn jeddu, Robert Abela għandu jneħħih.